Internazzjonali

Il-Gwerra fil-Lvant Nofsani: Tkompli l-medjazzjoni biex il-waqfien mill-ġlied ikompli għat-tul kollu possibbli

Ir-Rappreżentanti tal-Qatar, li kien strumentali għall-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li qablu dwaru Iżrael u l-grupp Hamas, għamluha ċara li pajjiżhom qed jikkonċentra fuq id-diplomazija bil-ħsieb li l-perjodu ta’ kwiet relattiv fil-Lvant Nofsani jkun estiż, almenu, sal-aħħar tal-ġimgħa.

Iżda l-estensjoni tal-ftehim jiddependi minn kemm it-terroristi tal-Ħamas jirrispettaw it-talba biex ikomplu jeħilsu għaxar ostaġġi għal kull ġurnata li tgħaddi…Ostaġġi li t-terroristi kienu ħatfu waqt ir-rejds storiċi tas-7 ta’ Ottubru fl-artijiet Iżraeljani li rriżultaw f’1,400 vittma u għexieren tal-midruba.

It-Tmexxija ta’ Iżrael, sadanittant, qed issegwi s-sitwazzjoni bir-reqqa u filwaqt li tibqa’ disposta għan-negozjati hi qed tenfasizza li l-għan aħħari tal-pajjiż għandu jkun il-qerda totali tal-entitajiet terroristiċi fil-Medda ta’ Gaza.

Fl-istess ħin, hemm tamiet li l-Qatar – li ilu l-aħħar jiem jiddiskuti l-kriżi ma’ Iżrael u l-Ħamas – jirnexxilu jirbaħ aktar konċessjonijiet mill-partijiet involuti. Dan wara li l-ftehim oriġinali għal waqfien mill-ġlied – li kien validu għal erbat ijiem – spiċċa estiż b’48 siegħa oħra u meta dan hu l-ħames jum fejn il-patt baqa’ effettiv.

U waqt li l-Qatar żvela li kien hemm ‘xi abbużi żgħar tal-ftehim minn kull naħa’ l-iżviluppi ma jidhrux li kienu ta’ theddida għall-ftehim inkwistjoni.

Il-Ħamas, fl-aħħar sigħat, kien marbut biex  jeħles 20 ostaġġ sa għada, iżda l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Qatar qal li  ma setax ‘jikkonferma’ li għandhom jinħelsu aktar ostaġġi ‘mill-20’ fil-ġranet sussegwenti.

Dan waqt li kelliema għall-Ħamas tennew li numru ta’ ostaġġi qegħdin jinżammu minn gruppi oħrajn ta’ militanti Iżlamiċi – fosthom il-membri tal-grupp Ġiħad Iżlamiku – u meta hemm anki xi konfużjoni dwar il-lokalitajiet tagħhom.

Skont il-kriterji tal-ftehim, għandhom jinħelsu tliet Palestinjani mill-ħabsijiet ta’ Iżrael bi skambju għal kull ostaġġ Iżraeljan (f’Gaza) li jintbagħat lura d-dar.

Madankollu, il-konfużjoni dwar il-lokalitajiet tal-ostaġġi kapaċi jikkumplikaw l-isforzi biex jinħelsu l-aktar persuni vulnerabbli li ilhom il-ġimgħat miżmuma mit-terroristi.