Lokali

IL-JOB LI INGĦATAT MAL-ITS: L-Awditur Ġenerali jgħid li kien “frodi” u “irregolari”

Il-ħtieġa għall-ingaġġ ta’ Rosianne Cutajar fl-ITS ma nstabitx fl-ebda sors. Dan kien impjieg fażull… imħallas minn fondi pubbliċi.

Hekk ikkonkluda r-rapport mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-impjieg li l-eks Segretarju Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar, kienet akkwistat mal-ITS. L-istess impjieg li fiċ-chats żvelati bejna u bejn Yorgen Fenech ….ftaħret illi ħaditu għax fi kliemha kulħadd kien qiegħed jitħanżer.

Minkejja li l-NAO talab kemm-il darba għall-informazjoni, qatt ma nstab għaliex dan il-job kien meħtieġ – u lanqas ma nġiebet għall-attenzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi, minkejja l-obbligu fil-liġi għall-involviment tiegħu f’materji bħal dawn.

Hi lanqas ma kienet ġiet inkluża fil-pjan tar-riżorsi umani li l-ITS irrefera lill-Bord ftit ġimgħat wara l-ingaġġar tagħha bħala konsulent. L-eżistenza ta’ dan l-impjieg ma nstabet lanqas fil-minuti tal-bord.

L-NAO sostna li l-Kap Eżekuttiv tal-ITS saħaq li l-funzjonijiet tal-impjieg ta’ Cutajar, ċioè ta’ konsulent…kienu diskussi mal-Uffiċċju tat-tmexxija Eżekuttiva tal-Istitut….liema evidenza ma ġietx ddokumentata jew preżentata quddiem l-NAO.

Għaldaqstant ġie stabbilit mill-Awditur Ġenerali li l-impjieg ta’ konsulent li ngħata lil Rosianne Cutajar ma sarx skont ir-regolamenti li jirregolaw ir-reklutaġġ….bl-NAO tinnota l-perspettivi diverġenti tal-Kap Eżekuttiv tal-ITS u l-Ministru tat-Turiżmu jqanqlu ħafna dubji.

Dan hekk kif l-NAO preċiża jgħid li l-Ministru għat-Turiżmu ma ftakar xejn dwar dan l-impjieg…minkejja li l-ITS qed jinsisti li dan l-impjieg ingħata b’konsultazzjoni mal-Ministeru.

L-NAO innota li kien hemm ukoll anomaliji serji hekk kif l-kuntratt ta impjieg ta’ Rosianne Cutajar kien datat b’lura. Dan ifisser li fl-ewwel salarju ta’ Konsulent… hija ngħatat arretrati konsiderevoli. U filwaqt li pprovaw jispjegaw dawn l-anomaliji…cioè Cutajar infisha u l-Kap Eżekuttiv tal-ITS..xorta waħda t-tħassib tal-NAO kompla jissaħaħ bl-evidenza provduta minn diversi sorsi.

L-NAO insista li Cutajar ma kelliex l-għarfien meħtieġ għal dan l-impjieg, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ funzjonijiet ta’ natura finanzjarja u legali. Ħaġa oħra li ġiet innotata kienet…in-nuqqas assolut ta’ evidenza ta’ ħidma minn Cutajar bħala konsulent…li ċertament jitfa’ dubju fuq x-xogħol li sar.

Għaldaqstant l-Awditur iddeskriva l-ħidma ta’ Rosianne Cutajar bħala waħda fqira, li taggrava t-tħassib dwar negliġenza f’dak li l-NAO iddeskriva bħala impjieg fażul imħallas minn fondi pubbliċi.

Waqt li kienet tokkupa l-pożizzjoni ta’ Segretarju Parlamentari, Cutajar daħlet dħul gross ta’ aktar minn €19,000 minn dan l-impjieg mal-ITS. Dan filwaqt li minbarra l-konsulenza mal-ITS, hija kienet tokkupa l-pożizzjoni ta’ Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u Tnaqqis tal-Burokrazija…bi dħul ta’ aktar minn €43,700 …. u aktar minn €26,000 bħala Deputat Parlamentari.

Bl-NAO jinsisti li id-dħul kumplessiv ta’ Rosianne Cutajar li laħħaq €88,132 fl-2019 … kien aktar minn €74,000 mill-ammont dikjarat mill-istess Cutajar fid-dikjarazzjoni tal-assi. Dan hekk kif surrealment hi ddikkjarat li matul dik is-sena hija kienet daħlet biss..ftit aktar minn €14,000.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’reazzjoni għal dan kollu ħabbar li se jkun qiegħed iressaq mozzjoni sabiex il-Parlament jesiġi li Cutajar tħallas lura l-flus li ħadet mingħajr ma kien ħaqqha.