Lokali Qorti

Iż-żagħżugħ mixli li tajjar lil Simon Schembri jingħata l-ħelsien mill-arrest

Żagħżugħ li kien involut f’inċident kważi fatali ta’ ‘hit-and-run’ ħames snin ilu fejn pulizija tat-traffic Simon Schembri kien weġġa’ gravi ingħata l-libertà proviżorja wara li psikologa qalet fil-Qorti li rat ‘titjib gradwali’ fl-imġieba tiegħu.

Liam Debono kien spiċċa fl-aħbarijiet meta ta’ 17-il sena, kien allegatament kaxkar lil Schembri waqt li kien qed isuq Mercedes f’Ħal Luqa. L-uffiċjal kien spiċċa tkaxkar diversi metri fuq it-tarmak u sofra ħruq fuq sidru. Driegħu kellu jiġi amputat ukoll mill-polz il-fuq.

Ix-xufier taħt l-età kien sussegwentement mixli b’attentat ta’ qtil involontarju u sensiela ta’ akkużi oħra relatati mal-inċident. Xhur wara l-kumpilazzjoni tal-provi f’dak l-inċident Debono kien ingħata il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

Madankollu, f’Mejju 2019 huwa spiċċa l-ħabs wara li nstab ħati li kien qed isuq f’Ħal Luqa bi ksur tal-ordnijiet tal-qorti. Huwa kien qed isuq Fiat Uno u ntlemaħ minn pulizija off-duty li s-suspetta xi ħaġa ħażina meta ra x-xufier fuq is-seat tiegħu u għarfu bħala l-akkużat.

F’Ġunju 2019, huwa nstab ħati minn Qorti tal-Maġistrati li saq bi ksur tal-projbizzjoni tal-qorti, mingħajr liċenzja valida u kopertura tal-assigurazzjoni, bi ksur ta’ ordni ta’ probation u kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja kif ukoll u li sar reċidiv.

Huwa ġie ikkundannat għal ħames snin ħabs, projbizzjoni ta’ sewqan għal 10 snin u konfiska ta’ madwar €60,000 fi flus ta’ garanzija. Waqt li skonta l-perjodu ta’ ħabs u qed jistenna l-proċess dwar il-każ ta’ ‘hit-and-run;, Debono ressaq proċeduri kostituzzjonali f’April 2021.

Megħjun minn avukat tal-għajnuna legali, huwa sostna li d-dritt fundamentali tiegħu għal proċess ġust inkiser minħabba li l-avukat li qabel kien qed jassistih ma kienx irrinunzja għall-każ tiegħu u għalhekk ma kienx liberu li jqabbad avukat ieħor.

Dan kien ifisser li kien miċħud id-dritt li jappella l-kundanna tal-2019. Barra minn hekk, id-drittijiet tiegħu nkissru aktar permezz tal-dak kien irrappurtatt b’mod negattiv fuq il-midja li kkawżatlu preġudizzju fil-proċess li kiern imiss.

L-avukat ta’ Debono talab il-posponiment tal-ġuri sakemm jiġu konklużi l-proċeduri kostituzzjonali. Dik it-talba ġiet milqugħa u l-proċess ġie pospost għal żmien indefinit. Sadanittant, aktar minn ħames snin minn dak l-episodju ta’ ‘hit-and-run’, Debono, issa assistit minn avukati ġodda, ressaq rikors ġdid għall-ħelsien mill-arrest quddiem il-Qorti Kriminali.

Ix-xahar li għadda, id-difiża argumentat li mhux biss Debono kien għadu preżunt innoċenti u kien lest li jirrispetta l-kundizzjonijiet kollha tal-qorti, iżda kien immarka progress sinifikanti matul is-snin tiegħu fil-ħabs.

Huwa tassew ħaqqu “li jitla’ pass ieħor fil-vjaġġ tiegħu biex jirriforma lilu nnifsu u tassew jibdel ħajtu,” sostniet id-difiża. L-Avukat Ġenerali oġġezzjona, u enfasizza l-fatt li meta qabel ingħata l-libertà proviżorja Debono kien wettaq reati oħra.

Dak l-isfond ma jawgurax tajjeb, sostniet il-prosekuzzjoni. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, semgħet diversi xhieda. Xehed rappreżentant ta’ kumpanija privata li kellhom xogħol lest għal Debono fuq bażi ta’ kuntratt indefinit.

Terza persuna qalet lill-Qorti li lest joffri dar lil Debono. Missier l-akkużat, li kien iżur regolarment il-ħabs, qal lill-imħallef li ħass li ibnu minn dak iż-żmien kien immatura. Madankollu, l-aktar xhieda sinifikanti kienet dik ta’ psikologa li kienet evalwat regolarment lill-akkużat mill-2018, billi ssorvelja t-tranżizzjoni tiegħu minn “tifel” għal “żagħżugħ”.

Hija spjegat li Debono kien “inbidel ħafna.” Qatt ma tilef appuntament, wera interess fis-sessjonijiet u kien tgħallem “imġieba tajba,” hi qalet. Barra minn hekk, hu kien “tgħallem jistenna.” Qalet li tista ‘”b’mod kunfidenti tikkonferma” tali titjib gradwali u attitudni pożittiva.

Debono kien qed jiġi segwit ukoll minn care workers li kellhom pjan ta’ kura għalih, intqal fil-Qorti.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera osservat li fil-passat Debono kien kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u ġie kkastigat għal dan.

Iżda l-qorti issa ġiet ippreżentata bix-xhieda li tikkonferma li l-akkużat minn dak iż-żmien kien irreġistra titjib. Fid-dawl tal-provi l-qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €5,000, garanzija personali ta’ €15,000, iffirmar ta’ kuljum fl-Għassa tal-Pulizija, u curfew bejn is-7pm u s-6am. Huwa kien ukoll ipprojbit milli jsuq waqt li kien fuq pleġġ. L-avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u l-prokuratur legali Colin Galea dehru għal Debono.