Lokali Parlament

Jeħtieġ ippjanar fit-tul fis-servizzi għall-anzjani

Ritratt: Martin Agius


Stephen Spiteri, PN


Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella fil-parlament bies isir ippjanar fit-tul fis-servizzi għall-anzjani fil-kuntest tal-mod kif qed tiżviluppa l-popolazzjoni.


Stephen Spiteri appella biex ikun hemm investiment quddiem l-isfidi tad-dimentia u tas-solitudni biex dawn is-sitwazzjonijiet jitnaqqsu.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern għandu jkun responsabbli billi l-gvern iwettaq infieq dedikat għall-ħtiġijiet tal-anzjani. Hu kompla li d-dħul tal-anzjani jkun anqas partikolarment bl-effetti tal-kirjiet ogħlja li hawn fil-pajjiż.


Stephen Spiteri kompla li l-anzjani fil-komunità għandhom isibu l-appoġġ meħtieġ b’riżors uman imħarreġ tajjeb. Hu żied li l-għeluq ta’ dajr għall-anzjani qed joħloq iffullar fi djar oħra u b’listi ta’ stennija twal għall-anzjani li jridu jidħlu fi djar għall-anzjani minħabba li ma jistgħux jgħixu weħidhom.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandha tinħoloq infrastuttura b’saħħitha u qal li n-nuqqasijiet f’San Luqa u Karin Grech qed ikollhom effetti kbar fuq l-anzjani minħabba li m’hemmx spazji biżżejjed biex isiru l-proċessi ta’ riabilitazzjoni.


Stephen Spiteri qal li jrid ikun assigurat li l-anzjani għandhom ilaħħqu mal-ispiża tal-mediċina u sostna li f’Mater Dei hemm lista ta’ stennija twal għal operazzjonijiet minn anzjani. Jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tkun trattata fejn iċ-Charter tal-pazjent ikun rispettat.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem l-importanza li s-servizzi jkunu personalizzati partikolarment mal-anzjani li jkollhom bżonn trattament partikolari. Hu qal li kellhom jinġiebu l-barranin biex jieħdu ħsieb l-anzjani Maltin iżda jrid ikun assigurat li jkunu ta’ livell, li jkollhom edukazzjoni xierqa, jkunu professjonisti u jkollhom il-ħiliet neċessarji.


Stepgen Spiteri qal li l-isfidi jridu jlaħħqu mas-servizzi adegwati u mal-mediċini ġodda li s’issa għadhom mhux jingħataw fil-formularju tal-gvern.