Lokali

“Jeħtieġ li nsemmgħu aktar leħinna” – il-President George Vella

“Jeħtieġ li nsemmgħu aktar leħinna u nkunu ferm aktar determinati biex neqirdu l-influss u l-bejgħ ta’ armamenti u munizzjon…. hekk kif dawn ikomplu jkebbsu u jsostnu konflitti reġjonali u gwerer akbar.”

Din it-twissija waslet mill-President ta’ Malta George Vella fl-indirizz tiegħu lill-Oxford Union; forum indipendenti fl-Università ta’ Oxford li din is-sena qed tfakkar il-Biċentinarju tagħha.

Il-President Vella esprima tħassib kbir dwar in-“nefqa eżorbitanti” fuq strumenti ta’ gwerra u qerda, b’mod speċjali meta mqabbla mas-somom investiti fis-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija, il-preservazzjoni tal-ambjent globali u l-azzjonijiet għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Fid-diskors tiegħu, il-President insista li, kostituzzjonalment, Malta hija stat newtrali li jfittex b’mod attiv il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha. Dan filwaqt li faħħar dak li qiegħda tipprova tikseb Malta bħala membru mhux elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-President innota li minkejja l-intenzjonijiet tajba kollha, il-komunità internazzjonali ftit li xejn tgħallmet mill-gwerer u l-konflitti tal-passat, b’mod speċjali fl-arti taż-żamma tal-paċi.

George Vella saħaq li s-soluzzjonijiet jinsabu fid-diplomazija u n-negozjati, li huma l-prinċipji bażiċi ta’ kwalunkwe sistema multilaterali.

Qabel taħdita informali mal-President tal-Oxford Union u sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-membri tagħha, il-President ħeġġeġ lill-istudenti jiddefendu dak li jemmnu li hu ġust, anki jekk dan ifisser li jmorru kontra l-kurrent.

Din il-laqgha li indirizza George Vella kienet parti mill-programm tieghu, waqt iz-zjara ta’ tliet ijiem li qed jaghmel fir-Renju Unit.