11-il Iżraeljan ostaġġ, inkluż tewmin ta’ tliet snin, ġew meħlusa mill-Hamas fl-aħħar sigħat biex b’hekk it-total ta’ ostaġġi li ġew meħlusa issa tela’ għal iktar minn 50. Quddiem dan, 33 Palestinjani ġew meħlusa mill-ħabsijiet ta’ Iżrael, li jinkludu 30 tifel u tifla u tliet nisa.
Fl-aħħar jiem, permezz ta’ medjazzjoni mill-Qatar, il-Hamas u l-Iżrael kienu qablu li ssir pawża mill-ġlied għal erbat ijiem kemm-il darba l-Hamas jeħles 50 mill-ostaġġi li t-terroristi kienu ħatfu fis-7 ta’ Ottubru meta invadew il-komunitajiet ta’ Iżrael u fejn ħallew l-eluf tal-mejtin u feruti. Fl-istess ħin, Iżrael għandu jeħles mal-150 priġunier Palestinjani waqt li josserva waqfien mill-ġlied għall-ewwel darba minn Ottubru.
Il-pawża mill-ġlied kienet pjanata li tiġi fi tmiemha ftit sigħat ilu iżda ż-żewġ naħat qablu li jestenduha b’jumejn fejn mistennija li iktar ostaġġi jiġu meħlusa.
Intant, matul dawn il-jiem qed jidħlu f’Gaza trakkijiet b’għajnuna umanitarja, fosthom b’ikel, fjuwil u mediċina.
//= $special ?>