Lokali

Jitlef ħajtu wara li waqa’ minn fuq sellum f’Ħad-Dingli

Raġel ta’ 71 sena residenti Ħad-Dingli tilef ħajtu wara li waqa’ minn fuq sellum fi Triq Misraħ is-Suffara, f’Ħad-Dingli. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:30 am.

Jidher li r-raġel kien qed jagħmel xi xogħol fil-garaxx tiegħu stess meta għal xi raġuni waqa’ minn għoli ta’ madwar sular bil-konsegwenza li tilef ħajtu fil-post.

Tim mediku mill-Isptar Mater Dei wasal fil-post iżda, sfortunatament, l-isforzi tagħhom kienu kollha għalxejn. Dan għaliex l-anzjan kien laħaq miet.

Fil-post inġabru numru ta’ Pulizija, kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili, sabiex jittela’ l-kattavru mill-bokka li waqa’ fiha, hekk kif skont informazzjoni li waslitilna jidher li din kienet ser tkun operazzjoni delikata li ħadet il-ħin.

Fil-post waslu wkoll bosta qraba li nġabru flimkien jistennew sabiex jaraw lill-qarib tagħhom u jkunu ta’ wens għal xuxlin …. waqt li membri oħra tal-familja li jgħixu Għawdex kienu infurmati wkoll bit-telfa ta’ dan il-membru tal-familja sabiex ikunu jistgħu jinżlu Malta malajr kemm jista’ jkun.

Net News huwa nfurmat li l-vittma kien ser jagħlaq sninu fil-jiem li ġejjin.

Il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.