Futbol Sport

Kollox għadu miftuħ fi Grupp F, Borussia Dortmund jaċċertaw post fil-fażi li jmiss

(Ritratt: EPA)

Kollox għadu miftuħ fi Grupp F, b’ Borussia Dortmund jaċċertaw minn post fil-fażi li jmiss wara li kisbu rebħa bl-iskor ta’ 3-1 fuq Milan. Milan viċin li jmorru fil-vantaġġ kmieni fil-partita meta ngħataw penalty iżda Olivier Giroud ra t-tentattiv tiegħu salvat. Dortmund imorru fil-vantaġġ mal-10 minuta, meta kien Marco Reus li minn penalty ma żbaljax. Milan iġibu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Samuel Chukwueze. Il-Ġermaniżi skorjaw darbtejn oħra fit-tieni taqsima l-ewwel permezz ta’ Jamie Bynoe-Gittens u mbagħad fid-69 minuta permezz ta’ Karim Adeyemi.

Newcastle u PSG temmew fi draw ta’ 1-1, bit-tim minn Pariġi jsalva punt fl-aħħar ħinijiet tal-konfront. Alexander Isak, poġġa lil Newcastle fil-vantaġġ wara 24 minuta, iżda penalty fit-98 minuta ta’ Kylian Mbappe salva punt importanti għal PSG.

Fi Grupp H, taqtiegħa nteressanti bejn min se jikkwalifika bit-tieni post hekk kif wara li Barcelona aċċertaw minn post mal-aħħar 16 b’rebħa ta’ 2-1 fuq Porto, se jkun l-aħħar konfront bejn l-istess Porto u Shaktar Donetsk li minn naħa tagħhom għelbu lil Royal Antwerp 1-0, li se jkun qed jiddeċiedi min se jagħmilha għall-fażi li jmiss.

Minn Grupp G, Manchester City aċċertaw mir-rebħ tal-grupp meta f’rimonta mill-aqwa għelbu lil RB Leipzig 3-2. Leipzig fetħu vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima b’doppjetta ta’ Lois Openda. City wettqu rimonta fit-tieni taqsima u skorjaw tliet darbiet, permezz ta’ Erlin Haaland, Phil Foden u Julian Alvarez. Mill-istess grupp, Young Boys għelbu lil Crvena Zvezda 2-0.

Fi Grupp E, kollox għadu miftuħ dwar min se jirbaħ il-grupp hekk kif Lazio għelbu lil Celtic 2-0 filwaqt li Atletico Madrid għelbu lil Feyenoord 3-1. L-aħħar partita, dik bejn Ateltico Madrid u Lazio se tkun qed tiddeċiedi minn se jirbaħ il-grupp wara li ż-żewġ timijiet aċċertaw minn post mal-aħħar 16.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE
ILLUM – Grupp E: Lazio v Celtic 2-0, Feyenoord v A. Madrid 1-3 Grupp F: Milan v B. Dortmund 1-3, PSG v Newcastle 1-1 Grupp G: Man City v RB Leipzig 3-2, Y. Boys v C. Zvezda 2-0 Grupp H: S. Donetsk v R. Antwerp 1-0, Barcelona v Porto 2-1 GĦADA – Grupp A: Galatasaray v Man Utd 6.45pm, Bayern v Copenhagen 9.00pm Grupp B: Sevilla v PSV 6.45pm, Arsenal v Lens 9.00pm Grupp C: R. Madrid v Napoli 9.00pm, Braga v U. Berlin 9.00pm Grupp D: Inter v Benfica 9.00pm, R. Sociedad v Salzburg 9.00pm