Lokali

“L-akbar manifestazzjoni tal-MUT fl-aħħar 20 sena” – Marco Bonnici

Għada jiġu fi tmiemhom temporanjament id-direttivi tal-Union

Wara xhur sħaħ ta’ taħdidiet li ma waslu għal imkien bejn l-Union tal-Għalliema u l-Gvern ta’ Robert Abela matul il-jum tat-Tnejn 97% tal-għalliema pparteċipaw fl-istrajk tal-MUT fejn l-edukaturi tal-iskejjel tal-Knisja u l-Istat ma marrux għax-xogħol.

Matul il-programm Net Live, il-President tal-MUT Marco Bonnici sostna li wara ġimgħat ta’ direttivi, dawn ikkulminaw fl-istrajk tat-Tnejn, liema direttivi se jaslu fi tmiemhom b’mod temporanju matul il-jum tal-Erbgħa.

Marco Bonnici insista li t-talba tal-MUT f’dan l-istadju hija waħda – sabiex il-Gvern iżomm mal-wegħda elettorali li għamel; ċioè li jżid sostanzjalment il-pakkett finanzjarju tal-edukaturi.

Huwa spjega li t-Tnejn waranofsinhar l-MUT kienet f’laqgħa ta’ madwar sagħtejn mal-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn ġie deċiż li jibdew numru ta’ taħdidiet mill-ġdid…proprju minn nhar l-Erbgħa.

Bonnici saħaq li matul il-jum tat-Tnejn kien hemm sentiment li l-vuċi tal-għalliema waslet – bil-President tal-MUT isostni li wieħed mis-sitt prijoritajiet tagħhom apparti l-pakkett finanzjarju, hija l-inklużjoni.

Marco Bonnici temm jgħid li wara s-sensiela ta’ laqgħat li hemm programmati bejn l-MUT u l-Ministeru se jkun qed issir stock take tas-sitwazzjoni u minn hemm jiġi deċiż xi jsir mid-direttivi.