Lokali Parlament

L-Awtorita tal-Ippjanar m’għandhiex tibqa’ sserraħ fuq ir-residenti biex jagħmlulha xogħolha


Toni Bezzina, PN


L-Awtorita tal-Ippjanar m’għandhiex tibqa’ sserraħ fuq ir-residenti biex jagħmlulha xogħolha.


Dan sostnieh id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina meta kien qed jitkellem fil-parlament.


Hu qal li ma tistax ma tikkumentax kif qed jiġu sfruttati ż-żoni rurali f’pajjiżna, specjalment in-naħa t’isfel ta’ Malta. Il-politika rurali tal-Awtorità tal-Ippjanar tagħmilha ċara li kull żvilupp f’dawn iż-żoni jrid jiġi kkunsidrat bħala titjib għat-tkabbir ekonomiku tal-qasam agrikolu, b’enfasi fuq bdiewa żgħażagħ.


Dawn iridu jingħataw kull għajnuna biex jistabilixxu l-intrapriża agrikola tagħhom. Fir-realtà dawn iż-żoni qed jiġu sfruttati minn industriji ta’ manifattura li jħallu rwejjaħ tossiċi, bħal ma qed jiġi propost li jsir fl-Imqabba bl-installazjoni ta’ impjant tat-tarmak. Għalkemm il-politika rurali hi mibnija fuq żewġ pilastri prinċipali, dak li jigi sostnut żvilupp essenzjali għall-bżonnijiet agrikoli u li l-kampanja tiġi immaniġġjata u konservata kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti kif wkoll dawk futuri, fir-realtà qed isir l-oppost.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li minflok li bid-deċiżjonijiet tagħha l-Awtorità tal-Ippjanar tassigura li bdiewa u raħħala, speċjalment dawk żgħażagħ, ikunu qed jiġu megħjuna jieħdu ħsieb iż-żoni rurali, qiegħda tippermetti żvilupp li assolutament mhux postu f’dawn iż-żoni u viċin l-abitat. Każ tipiku hi l-proposta, li diġà għandha l-barka tal-Awtorità tal-Ippjanar, għal żvilupp ta’ impjant tat-tarmak fl-Imqabba; azzjoni li żgur ma turix ġustizzja mar-residenti Mqabbin, Qrendin u resident oħra tal-irħula tal-madwar.


Toni Bezzina qal li f’din l-applikazzjoni hemm binja illegali f’Ħal Far li tikkonsisti f’impjant tat-tarmak, impjant tal-konkos, diversi garaxxijiet, uffiċini u strutturi oħra li kient ġiet sanzjonata permezz ta’ sempliċi notifika. Din se twassal biex din il-binja tiġi trasferita f’ żona rurali viċin fl-Imqabba f’distanza ta’ inqas minn 250 metru minn Category 3 Settlement għal użu residenzjali u ġol-100 meter Buffer Zone biex jiġi salvagwardjat l-ilma tal-pjan.


Fl-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni l-Awtorità tal-Ippjanar tikkwota diversi objettivi tematici, urbani u rurali li jinsabu fl-Isped kif wkoll il-politika lokali tan-naha t’ Isfel ta’ Malta. Dawn jistabilixxu li żoni rurali m’għandhomx jiġu sfruttati b’użu li mhux leġittimu jew neċessarju f’dawn iż-żoni li żoni rurali għandhom jiġu salvagwardati mit-tniggiż tal-arju u storbu u mir-riskji ta’ użi kimiċi.


L-applikazzjoni tirrikonoxxi wkoll r-rijabilitazzjoni ta’ barrieri li m’ għandhomx jintużaw għal użu agrikolu u fl-istess ħin strutturi li jinsabu fihom jiġu mneħħija u l-użu ta’ dawn il-barrieri li ma jagħmilx ħsara ambjentali.


F’nifs wieħed l-Awtorità tal-Ippjanar qed tiddikjara li t-trasferiment ta’ dan l-impjant tat-tarmak huwa kompatibbli li jsir f’barriera li suppost, skond il-politika tagħhom stess, kellha tiġi riabilitata għall-uzu agrikolu.


Toni Bezzina qal li hu tal-iskantament kif diversi external consultees ma sabux oġġezzjoni għal din l-applikazzjoni. Fost dawn hemm il-Water Services Corporation, l-ERA, l-Awtorità tat-Trasport u d-Development Management Directorate li ddikjara li sit bħal dan hu ideali għall-użu ta’ industrija li tipproduci irwejjaħ tossiċi.


External consultees oħra li baqgħu ċassi quddiem din l-applikazzjoni huma l-Malta Tourisim Authority, l-OHSA, is-Civil Protection Department u l-Kunsill Lokali tal-Imqabba li qed jghid li ma giex notifikat.


Kienu s-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali biss li oġġezzjonaw għal dan l-impjant tat-tarmak, għax indunaw li mhux kompatibbli mal-ambjent tal-madwar. Kien grazzi ghar-residenti tal-Imqabba, tal-Qrendi u taż-Żurrieq li qajmu kuxjenza biex dan l-impjant tat-tarmak ma jagħmilx sfreġju ambjentali fil-madwar tal-irħula tagħhom u fil-madwar ta’ irħula oħra fil-viċin bħal ma għamel diġà fiż-Żona Industrijali ta’ Ħal Far bi dħaħen suwed u tossiċi u li minħabba f’ hekk ġie mwaqqaf milli jopera diġà darbtejn.


Toni Bezzina kompla li jekk ikun hemm xi bidwi li japplika biex jibni xi struttura agrikola, xi ġiebja jew iżid xi ftit ħamrija fl-għalqa tiegħu, jew xi raħħal żagħżugh biex jibni razzett biex ikun jista’ jidħol fil-qasam agrikolu, jaqlgħulhom fwiedhom, isibulhom elf problema u jaraw kif jirrifjutawlhom l-pplikazzjonijiet.
Nistenna li l-Awtorità tal-Ippjanar tagħmel xogħlha u tiddefendi l-ġid komuni u mhux toqgħod isserraħ fuq ir-residenti biex jagmlulha xogħlha huma.


Id-deputat Nazzjonalista qal li f’Birżebbuġa wkoll daħlet applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex biċċa art ta’ kobor sostanzjali li fil-maġġoranza tagħha hi art tal-gvern u art tal-Enemalta, fejn qabel kien hemm l-LPG Plant fil-Qajjenza, tingħata lill-privat biex tinbidel f’żona ta’ torrijiet ta’ binjiet residenzjali li jitilgħu sa għoli ta’ 10 sulari kif wkoll żona kummerċjali.


Jekk dan l-izvilupp jiġi approvat, dan ikun qed isir kontra il-Pjan Lokali tal-Bajja ta’ Marsaxlokk, fejn din iż-żona fil-Qajjenza kienet maħsuba biex tkun żona ta’ rikreazzjoni u li jekk jiġi żviluppat xi bini dan ma jaqbiżx tlett sulari.


Però waħda mill-kundizzjonijiet prinċipali f’dan il-Pjan Lokali kienet li ma jista’ jigi kkunsidrat l-ebda bini residenzjali jew kummerċjali qabel ma jinsab spazju ta’ daqs konsiderevoli ta’ madwar tmint itmiem għall-ħazna ta’ dgħajjes għas-sajjieda u dgħajjes oħra.


Għalkemm fl-2006 diġà kien mahsub li din iż-żona għandha tinbidel f’waħda rikreazzjonali bi spazju biex jiġu maħżuna d-dgħajjes, fl-2023 se tinbidel f’torrijiet tal-konkos li joħonquha għad-detriment tas-saħħa tar-residenti tal-Qajjenza, Birżebbuġa u l-madwar.