Ryan Callus, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fil-parlament li l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia kixfet in-nuqqasijiet kbar fil-kostruzzjoni.
Ryan Callus qal li l-OHSA m’għandiex riżorsi biżżejjed biex taqdi l-funzjonijiet u li l-abbozz ta’ regolamenti tal-kuntratti inżamm milli jidħol fis-seħħ qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2022; qabel miet Jean Paul Sofia.
Hu qal li l-BCA għandha biss 17-il uffiċjal għall-ispezzjonijiet u sostna li s-settur tal-kostruzzjoni jibqa’ wieħed li jirregola lilu nnifsu għaliex l-awtoritajiet huma bla snien u għax m’għandhomx ir-riżorsi meħtieġa.
Il-gvern għandu jifhem kemm l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia kienet waħda meħtieġa u li minnha qed jirriżulta kemm kien hemm nuqqasijiet fejn donnu ħadd ma kien responsabbli ta’ xejn.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern għandu jispeċifika x’tagħlimiet ħa biex dak li intqal fl-inkjesta pubblika ma jerġa’ jsir qatt. Il-gvern għandu jispeċfika meta se jidħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa għaliex kull ġurnata jseħħu inċidenti oħra.
Dwar il-Health and Safety Officers, id-deputat Nazzjonalista qal li dawn huma mistennija li jagħmlu xogħlhom meta l-awtoritajiet ma jkunux preżenti f’xogħlhom.
Dawn l-uffiċjali tal-OHSA huma mitluba jikkonfermaw li kull ħaddiem fis-sit hu kompetenti li jagħmlu xogħlhom b’mod sigur fuq il-post tax-xogħol; fejn ikun hemm mijiet ta’ persuni jaħdmu wara li jkunu nġiebu Malta iżda l-awtoritajiet ma jkunx ivverifikax jekk dawn huma kompetenti.
L-Uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurtà ma jistgħux ikunu responsabbli quddiem din is-sistema, sostna d-deputat Nazzjonalista, li staqsa jekk l-OHSA għandhiex tagħmel hi dawn l-ispezzjonijiet. Hu qal li jeħtieġ li jkun hemm ċarezza dwar min hu responsabbli fuq il-post tax-xogħol.
Ryan Callus kompla li fl-OHSA għandu jkun hemm rappreżentanza tas-setturi involuti fis-settur. Jeħtieġ ikun hemm iktar tarsparenza, sostna Ryan Callus, li kompla li setturi oħra fejn hemm perikli m’għandhomx ikunu abbandunati. Fost id-diffikultajiet hemm it-traffiku u l-problemi ta’ saħħa mentali.
Hu appella biex l-Uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol ikollhom warrants biex ikun assigurat li dawn ikollhom il-kwalifiċi neċessarji.