Lokali

“L-NAO juri li Rosianne Cutajar u sħabha serquna, iffordawna, u gidbulna” – Repubblika

Fi stqarrija Repubblika qalu li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar is-suppost konsulenza ta’ Rosianne Cutajar fl-ITS jiddokumenta d-disprezz lejn il-fondi pubbliċi tal-amministraturi ta’ pajjiżna. 

Rosianne Cutajar wettqet frodi meta kienet Deputat tal-Parlament. Għenuha l-Ministru Konrad Mizzi u Pierre Fenech li jmexxi l-ITS. Meta investiga l-Awditur, ipprovaw jgħattulha u jgħattu għemilhom ukoll.

Rosianne Cutajar kienet taf li dak li kienet qed tagħmel kien serq. Lil Yorgen Fenech kienet qaltlu meta iġġustifikat dan il-kuntratt li “kulħadd jitħanżer”. Din kienet ħniżrija. Il-ħniżrijiet kienu u huma s-sistema tal-amministrazzjoni ta’ pajjiżna.

Din hi korruzzjoni istituzzjonalizzata.

Ningħaqdu mas-sejħa li saret lill-pulizija biex tieħu azzjoni kontra dawn il-ħallelin u giddibin.

Minbarra dan, l-amministrazzjoni tal-ITS għandha titkeċċa.

Rosianne Cutajar għandha tinġiegħel tħallas lura l-flus li serqet bl-imgħax.

Il-Partit Laburista għandu jiddikjara li Rosianne Cutajar m’hi qatt aktar se jkollha rwol fih jew tkun kandidat għal xi ħaġa f’ismu.