Huwa inkwetanti l-fatt li matul dan ix-xahar ma komplewx issiru laqgħat bejn il-GWU u l-Air Malta biex jiġu konklużi d-diskussjonijiet dwar il-Ftehim Kollettiv u l-kuntratti personali ta’ ħaddiema membri tal-GWU.
Hekk sostniet il-GWU, wara li li d-diskussjonijiet li bdew f’Stettembru waqfu kompletament dan ix-xahar. Bil-union tappella ukoll biex il-leħen tal-ħaddiema jinstema’ meta jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Dan hekk kif is-suċċess għal-linja tal-ajru l-ġdida jiddependi mill-ħidma ta’ dawn l-impjegati li ġew imwiegħda post tax-xogħol aktar fis-sod wara r-ristrutturar li seħħ is-sena li għaddiet.
Il-GWU appellat ukoll għal ftehim ġust li ma jħallix fl-għama lil min baqa’ jaħdem biex l-Air Malta tibqa’ għaddeja ħalli jinkisbu riżultati pożittivi fit-turiżmu.
Il-GWU insistiet illi l-ħaddiema jistħoqilhom li jkollhom serħan il-moħħ sabiex ikomplu bil-ħidma li għandhom quddiemhom.
L-Air Malta spiċċat ingħalqet mill-Gvern ta’ Robert Abela wara li l-istess Gvern falla lill-linja nazzjonali – tant li falla kompletament il-pjan li kien hemm biex l-Air Malta tiġi fuq saqajha. Dan minkejja li l-eks Ministru Konrad Mizzi kien wiegħed li qed tagħmel profitt.
Kien qabel l-elezzjoni ġenerali, fil-bidu tas-sena li għaddiet, meta l-Ministru Clyde Caruana ħabbar li biex l-Air Malta ssalva ma setgħetx iżżomm in-numru ta’ ħaddiema li kellha. U għalhekk, kien qaċċat nofs il-ħaddiema.
Minn madwar 900 ħaddiem li kien hemm fuq il-kotba tal-Air Malta fil-bidu tal-2022….dawn naqsu għal 430, li 300 minnhom kienu ħaddiema tal-ground handling.
//= $special ?>