Lokali

Mniedi sit elettroniku ġdid tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Propjetà

It-Tlieta filgħodu ġiet mnieda sit elettroniku ġdid tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Propjetà.

Permezz ta’ dan is-sit se tkun qed tingħata informazzjoni għal min jixtieq japplika biex jaħdem bħala aġent tal-propjetà, sensar tal-propjetà, manager ta’ fergħa jew konsulent tal-propjetà, fost l-oħrajn. Dan filwaqt li dan is-sit se tkun qed tippermetti li l-konsumaturi jiċċekjaw u jivverifikaw li min qed ibigħilhom il-propjetà għandu liċenzja skont il-liġi.

Fil-konferenza stampa li saret it-Tlieta filgħodu, ġie żvelat illi sa issa, ġew approvati kważi 1,400 liċenzja, li jikkonsistu f’150 aġent tal-propjetà, 104 maniġers tal-fergħa. 880 konsulenti tal-propjetà u 229 sensara tal-propjetà. Dan filwaqt li n-numru ta’ kumpaniji tal-propjetà li jintermedjaw fil-propjetà jammonta għal 141 kumpanija. Ġie spjegat ukoll illi mit-Tnejn li għadda, beda l-proċess li permezz tiegħu jitqassmu l-liċenzji b’mod fiżiku.

Il-Kap tal-Unit tal-Liċenzjar ta-Suq tal-Propjetà, Joseph Deguara rrimarka illi dan is-sit se jkun qed jagħmilha aktar faċli għall-intermedjarji tal-propjetà biex jaċċessaw l-aplikazzjonijiet u informazzjoni oħra li se jiġu bżonn. Hekk kif spjega ukoll li dan is-sit qiegħed jintroduċi servizzi ġodda bħal sistema ġdida ta’ ilmenti u aċċess għar-reġistru ta’ intermedjaturi liċenzjati.

Huwa spjega ukoll, li l-pubbliku se jkun jista’ jaċċessa dan ir-reġistru billi jdaħħal in-numru tal-identità tal-intermedjarji jew inkella n-numru tal-liċenzja kif maħruġ mill-Bord tal-Liċjenzjar tas-Suq tal-Propjetà.