Roberta Metsola terġa’ tagħmel unur lil Malta wara li l-ġurnal internazzjonali Politico ddeskriva lil MEP tal-Partit Nazzjonalista bħala ‘Rock Star’ politiku.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-ġurnal Time Magazine kien poġġa lil Roberta Metsola fost l-aqwa mexxejja tad-dinja.
Politico, ġurnal Ewropew bbażat fi Brussell, għażel lill-President tal-Parlament Ewropew fil-klassi tal-aktar mexxejja influwenti fl-Ewropa għas-sena d-dieħla. Dan ifisser li skont Politico, Metsola hija fost it-28 persuna li mistennija jagħtu d-direzzjoni tal-Ewropa matul is-sena d-dieħla.
Fl-għazla tiegħu, Politico nnota li Metsola, minkejja l-isfidi li ffaċċjat – fosthom l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna – ħarġet bl-unuri. “Xi ħaġa li ma kinitx faċli għall-politiku li ġej minn Malta,” qal Politico, filwaqt li ddeskriva ż-żjara tagħha fi Kyiv ftit jiem wara l-bidu tal-invażjoni bħala ‘trendsetting’.
Il-ġurnal, li jiffoka fuq il-politika Ewropea u Internazzjonali, spjega kif l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Metsola qed taħdem lejl u nhar biex tattira ż-żgħażagħ lejn l-Unjoni Ewropea, u kif mexxiet b’serjetà l-Parlament Ewropew matul l-aħħar sentejn.
Fost dawk li ferħu lil Roberta Metsola għal dan l-unur kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fejn fakkar kif l-MEP Nazzjonalista ngħatat rikonoxximent prestiġjuż li jiswa’ mhux biss għaliha personali iżda jirrifletti wkoll b’mod mill-iktar tajjeb fuq il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
//= $special ?>