Serb ta’ 42 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti nżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li sawwat lil martu fir-residenza tagħhom f’San Ġwann. Allegatament ir-raġel daħal id-dar f’sakra ma jarax art għall-ħabta tas-6am,
Il-mara talbitu biex jgħinha ħalli taħsel it-tarbija tagħhom ta’ tliet snin iżda żewġha. Hemm qam argument li skala fejn beda jagħtija fuq wiċċha u rasha. Il-mara qalet lill-Pulzija wara li għamlet rapport li l-akkużat ta madwar 20 daqqa u wiċċha u daqtejn fuq rasha.
L-Ispettur Sherona Buhagiar qalet lill-Qorti li it-tifel l-ieħor tal-koppja ta’ ħames beda jiġbed lil missieru u jgħajjat biex ma jkomplix isawwatha. Tant kemm ix-xebgħa kienet ta’ ċerta portata li l-mara ħaseb li kien se joqtolha.
Ingħad ukoll li r-raġel waqt li beda jsawwatha beda jgħidilha li kien se joqtolha u li ma kienitx se tara wiċċ id-dinja iżjed. Waqt li l-Ispettur Buhagiar bdiet tgħid lill-Qorti minn xhiex għaddiet il-mara, l-akkużat poġġa idu fuq wiċċu u beda jibki.
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-mara għadha beżgħana dwar x’jista’ jagħmilha żewġha. L-Avukat Malcolm Mifsud li flimkien ma’ l-Avukat Jodie Darmanin dehru għall-akkużat qal li kien se jagħmel żewġ talbiet, waħda biex jingħata l-ħelsien mill-arrest u l-oħra biex isem l-akkużat u l-ismijiet tal-mara u wliedu ma jiġux mxandra fuq il-media.
Il-Qorti l-ewwel semgħet it-talba dwar l-ismijiet fejn il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba, anzi qablet magħha perfettament anki minħabba dak li jistgħu jgħaddu minnu l-vittmi. Fuq it-talba għall-pleġġ l-Avukat Mifsud qal li ovvjament il-Qorti ma tkunx tista’ tagħti l-ħelsien mill-arrest jekk dan se jmur jgħix fid-dar matrimonjali tal-koppja.
Għaldaqsant Dr. Mifsud informa lill-Qorti li fl-awla hemm persuna Maltija li lesta żżomm magħha lill-akkużat u li dan ir-raġel joqgħod il-Qawra, ferm il-bogħod minn San Ġwann, u għalhekk il-biża’ li jista’ jkollha l-mara tiegħu u l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi b’hekk jiġu ssuperati.
Ir-raġel li kien lest iżomm lill-akkużat qal lill-Qorti li s-Serb huwa ħabib tal-għarus tat-tifla tiegħu u għalhekk huwa lest biex iżommu miegħu u mhux jispiċċa barra fit-triq. Il-prosekuzzjoni ma qablitx li l-akkużat jingħata f’dan l-istadju, anke minħabba l-fatt li għad trid tixhed il-mara u possibiliment it-tifel ta’ ħames snin. Ingħad ukoll li hemm il-biża li s-Serb jista’ jaħrab minn Malta.
L-Avukat Malcolm Mifsud qal li l-biża li jaħrab mhijiex reali minħabba l-fatt li hu għandu l-familja tiegħu tgħix, fosthom iż-żewġ uliedu u sadanittant l-akkużat ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 10 snin. Dr. Mifsud qal ukoll li jekk il-klijent tiegħu jispiċċa l-ħabs, se jbatu wliedu.
Il-Qorti qalet li f’dan l-istadju huwa prematur li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest madankollu ordnat lill-prosekuzzjoni biex malajr kemm jista’ jkun jtellgħux ix-xhieda biex il-ġudikant li se jisma l-kawża jkun jista’ jiddeċidi aħjar fuq il-pleġġ.
L-Avukat Jurgen Dalli kien parti mil-prosekuzjoni mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Maxime Gatt u Nicole Sciberras deheru bħala parti civile għan-nom tal-vittma. Il-każ ikompli quddiem ġudikant ieħor.
//= $special ?>