Lokali

Wara l-kundanna tal-NAO Rosianne Cutajar toħroġ tattakka u tgħid li se “nibqa’ għaddejja”

“Ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” – dan kien id-diskors li l-eks Segretarju Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar kienet saħqet f’chats żvelati bejna u n-negozjant Yorgen Fenech meta kienet qed titkellem dwar impjieg li kien ingħatalha mal-ITS bħala konsulenta.

Issa l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ddeskriva dan l-impjieg ta’ Rosianne Cutajar bħala wieħed fażull imħallas mit-taxxi tal-poplu – impjieg li evidenza tax-xogħol tagħha jidher li ma jeżistix. Dan filwaqt li l-istess NAO saħaq li għas-sena 2019 fid-dħul Parlamentari tagħha hija ddikjarat ftit aktar minn €74,000 meta fil-verità għamlet dħul ta’ aktar minn €88,000 – bi dħul ta’ €14,000 aktar.

B’reazzjoni għal dan kollu, Rosianne Cutajar iddeċidiet li tiġġustifika l-azzjonijiet tagħha billi l-ewwel ħaġa attakkat lill-ġurnalisti ta’ Times of Malta għax marru jistaqsuha barra l-Parlament fl-1630hrs….meta r-rapport ħareġ fl-1620hrs – bil-ġurnalisti preżenti quddiem il-Parlament bħal ma hija prassi li jsir matul il-ġimgħa.

Dan filwaqt li meriet għal kollox l-investigazzjoni tal-NAO hekk kif insistiet li; “Irrispettivament mill-interpretazzjoni tal-Awditur Generali, il-VERITA’ hi li għal kull centezmu li tħallast jien raddejt xogħol lura. Dan mhux qed ngħidu jiena iżda ġie wkoll konfermat mill-ITS stess.”

Ironikament l-NAO saħqet li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal dan l-impjieg, ma hemm l-ebda minuti dwar dan l-impjieg, u ma hemm ebda evidenza dwar liem xogħol għamlet Rosianne Cutajar bħala konsulenza.

Cutajar saħqet li dan l-argument tal-NAO “ma jagħmilx sens” għaliex l-evidenza eliminata meta laħqet Segretarju Parlamentari.

Dan filwaqt għoġobha toħloq l-argument tal-aħna u l-huma hekk kif insinwat li qed jaqbdu magħha (f’dan il-każ l-NAO inkluż) għax ġejja mill-kamp Laburista – l-istess Rosianne Cutajar li fiċ-chats ma Yorgen Fenech ammettiet li kulħadd kien qed jitħanżer u li hi kienet se tagħmel bħalhom.

Mid-dehra jekk tkun Laburist ma tistax taħdem u wisq anqas taċċetta opportunitajiet ta’ xogħol. Ara jekk tkun Nazzjonalist ikun ħaqqek u kollox jibqa’ mistur.”

Diskors deskritt bħala wieħed ta’ insult għal min għandu twemmin Laburista u minn kwalunkwe kamp politiku ieħor..li joħroġ jaħdem mingħajr ma jkun irid jitħanżer bħal ħaddieħor, iżda jieħu dak li ħaqqu – mhux talli hekk, talli sussegwentament tkun trid tiġġustifika billi tattakka lil ħaddieħor.

Hija temmet tgħid li se tibqa’ għaddejja b’xogħlha u bl-attiviżmu politiku tagħha minkejja kull tentattiv, skontha, ta’ attakk fuqha.

Dan kollu wara li l-NAO kkonkluda li l-impjieg li ngħatat Rosianne Cutajar mal-ITS bħala konsulenta kien frawdolenti, falz u rregolari.

Fil-jiem li għaddew il-Kummissarju tal-Istandards, Joseph Azzopardi, sab li Rosianne Cutajar kienet impjegata bħala konsulent fl-ITS matul l-2019 meta kienet Deputat tal-Parlament. U hi, ma ddikjaratx din il-konsulenza meta fl-2020 daħħlet id-dikjarazzjoni tal-assi. Dan bi ksur tal-kodiċi tal-etika.

Dan filwaqt li Azzopardi ma ħax azzjoni għax il-kodiċi tal-etika jimponi fuqu preskrizzjoni ta’ sena minn meta seħħ il-ksur tal-etika; anke jekk ħadd ma kien jaf b’dak li seħħ.