Lokali

Bernard Grech jitlob biex tittieħed azzjoni immedjata fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali hu konferma li l-konsulenza ta’ Rosianne Cutajar fl-ITS kien frawdolenti u irregolari. Ħadet il-flus talli m’għamlet xejn. Dan ifisser li Rosianne Cutajar ikkonferamt li ħadet flus il-poplu, ikkonfermat dak li kienet qalet fiċ-chats, li la kulħadd qed jitħanżer, titħanżer hi wkoll.

F’messaġġ li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq Mozzjoni ta’ ċensura biex il-Parlament jesiġi li Rosianne Cutajar trodd lura l-flus li ħadet mingħajr ma kien ħaqqha. Vot biex tirritorna l-flus li ħadet, iżda wkoll vot ta’ ċensura. Messaġġ li hi għamlet ħażin.

“Bħal ma kien hemm fl-iskandli tal-benefiċċji soċjali kellu jħallas l-flus lura u saħansitra tressaq il-Qorti, għaliex inagħtaw il-benefiċċji, meta mhux suppost ingħataw dawn il-benefiċċji … x’se jagħmel Robert Abela? X’se jagħmel il-Kummissarju tal-Pulizija? Għaliex issa hemm Deputat, li kienet Deputat elett f’isem il-Partit Laburista, li ħadet eluf ta’ ewro minn flus il-poplu Malti, meta mhux suppost għamlet dan. Se titressaq il-Qorti? Se jkunu qed jittieħdu passi? Se tkun imġiegħla tirritorna dawn il-flus? Jew hemm liġi għall-allat u liġi għall-annimali?”.

Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna kemm-il darba li f’pajjiż fejn nemmnu li għandna nippremjaw lill-bieżel, hu illegali u inaċċetabbli li persuna titħallas l-eluf ta’ ewro minn flus il-poplu għal xogħol fantażma li m’għamlitx.