Bulgaru ta’ 28 sena resident San Pawl il-Baħar li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex ma jiġux kompromessi l-investigazzjonijiet wieġeb mhux ħati li bejn il-5 u s-6 ta’ Novembru li għadda seraq karozza Audi ġewwa tal-Ħandaq laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar Bulgaru ieħor kien ġie mixli u ammetta fuq każ simili b’rabta ma’ dan il-każ fejn ammetta l-akkużi miġjubin kontrih bis-sentenza mistennija tingħata nhar il-Ġimgħa.
Dan fuq investigazzjoni ta’ ċertu portata fuq numru ta’ karozzi misruqa li kienu qed jittieħdu f’garaxx f’Tal-Ħandaq, limiti ta’ Ħal-Qormi biex dawn jitqattgħu u jinbiegħu għall-parts.
Il-prosekuzzjoni qalet li fil-5 ta’ Novembru kien qed issir investigazzjoni ta’ karozza fil-Marsa, b’żewġ persuni kienu nqabdu f’Tal-Ħandaq iżarmaw l-istess karozza.
Iż-żewġ irġiel kienu ġew arrestati bl-akkużat li tressaq l-Erbgħa jingħata l-police bail. Hu kien ingħata ordni biex fit-28 ta’ Novembru jmur fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Ġurnata qabel l-akkużat kien intlemaħ mill-Pulizija tal-Qawra għaddej b’mutur Benelli misruq fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar li kien ġie rrapportat fil-ġranet ta’ qabel. Hu ġie arrestata u ttieħed mill-ewwel id-Depot għal aktar stħarriġ.
Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo l-Bulgaru wieġeb mhux ħati f’dan l-istadju għalkemm l-Avukat tiegħu Martin Farrugia qal li l-partijiet jinsabu fi stadju ta’ patteġġament.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest li sabet oġġezzjoni qawwija mill-prosekuzzjoni u dan minħabba biża ta’ kontaminazzjoni ta’ provi u l-biża li l-imputat jaħrab minn Malta u dan meta wkoll il-każ jinsab fi stadju bikri tal-proċeduri.
L-Avukat Farrugia qal li l-klijent tiegħu għandu rabtiet sodi ma’ Malta fejn ilu jgħix għal dawn l-aħħar sebgħa snin. Huwa għandu wkoll tifel li jgħix Malta u għaldaqstant tali biża ma teżistiex. Qal ukoll li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ minħabba l-biża ta’ intraċċ ta’ provi u li l-każ għadu fi stadju bikri tal-proċeduri. Il-Bulgaru li tressaq fil-bidu tax-xahar b’rabta ma’ dan ix-xahar kien ammetta li bejn it-30 Ottubru u 6 ta’ Novembru f’diversi postijiet fil-Qasam Industrijali Tal-Ħandaq laqa’ għandu jew xtara vetturi misruqa bil-għan li jbiegħhom.
Kien mmetta wkoll li bidel traċċi ta’ reat li sar ġewwa parkeġġ li jinsab ukoll f’Tal-Ħandaq. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Sean Pawney u Stephen Gulia, mgħejjuna mill-Avukat Rebecca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>