Internazzjonali

Gaza: Il-belt ta’ Khan Younis kapaċi tkun l-aħħar fortizza tal-Ħamas

L-indikazzjonijiet huma li l-qawwiet ta’ Iżrael, fil-jiem li ġejjin, għandhom imexxu offensiva oħra kbira – din id-darba fuq Khan Younis, it-tieni l-akbar belt ta’ Gaza u li nbidlet f’kamp ta’ refuġju enormi għall-Palestinjani li qegħdin jaħarbu mill-ġlied.

Il-popolazzjoni ta’ Khan Younis,fl-aħħar jiem, irduppjat mill-200,000 resident oriġinali u fejn qed jiddominaw il-kampijiet u x-xelters għall-familji.

Iżrael jemmen li l-Ħamas għandhom jiddefendi l-inħawi ta’ Khan Younis ‘b’fanatiżmu kbir’ meta huma jqisu din il-belt bħala l-aħħar fortizza ewlenija. L-indikazzjonijiet qed juru wkoll li Yahya Sinwar, Kap ewlieni tal-Ħamas u ‘moħħ wara t-terroriżmu’ li ilu żmien imfittex minn Iżrael, għandu l-moħba tiegħu f’Khan Younis.

L-ajruplani tal-Iżraeljani aktar kmieni fix-xahar waddbu l-fuljetti fuq din il-belt b’messaġġi biex iċ-ċivili joħorġu mill-inħawi u ma jesponux ruħhom għall-periklu. Dan meta Iżrael qed jaħseb diġà biex jimmira lejn kull dar u bini li qed jużaw l-organizzazzjonijiet terroristiċi f’Khan Younis.

Filwaqt li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 ( il-Pajjiżi l-Aktar Industrijalizzati) ukoll qegħdin iħeġġu waqfien mill-ġlied, l-Istati alleati ta’ Iżrael huma kawti dwar dikjarazzjoni li ssejjaħ għall-konklużjoni totali tal-azzjonijiet mirati għall-eliminazzjoni tal-Ħamas.

Intant, il-G7 qed jappoġġja pawża fil-ġlied fit-tul u perjodi oħra simili li jippermettu aktar movimenti ta’ għajnuna lin-nies ta’ Gaza. L-istqarrija referiet ukoll għall-ħtieġa ta’ aktar impenji ‘li jiffaċilitaw il-ħelsien tal-ostaġġi kollha miżmuma mill-Ħamas’.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti – l-akbar alleat ta’ Iżrael – wissiet lil Iżrael li kwalunkwe offensiva ġdida fin-Nofsinar ta’ Gaza għandha ssir ‘b’mod li ma jissarrafx f’eżodu allarmanti ta’ refuġjati’ bħalma seħħ waqt l-ewwel fażi tal-gwerra.

Il-messaġġ ħareġ wara l-aħħar fażi tat-tpartit tal-ostaġġi ma’ priġuniera matul il-lejl tat-Tlieta. F’din il-fażi nħelsu disa’ nisa Iżraeljani u żewġ ċittadini Tajlandiżi bi skambju ma’ 30 priġunier Palestinjan.