Lokali Parlament

Gvern bla strateġija fil-ġustizzja


Carm Mifsud Bonnici, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal fil-parlament li kompla l-gvern m’għandux strateġija fil-ġustizzja u għalhekk jeħtieġ li l-gvern jibda djalogu quddiem din is-sitwazzjoni.


Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar l-importanza taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ li kien twaqqaf minn gvern Nazzjonalista u qal li quddiem dan iċ-Ċentru daħlu 6,200 kawża. Hu appella biex dan iċ-Ċentru jkun mgħammar aħjar beix b’hekk jitnaqqsu l-kawżi minn quddiem il-qrati.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-istrateġija ta’ iktar ġudikanti ma jkollha ebda effett fuq it-tnaqqis tad-dewmien iżda fil-fatt toħloq iktar diffikultajiet għaliex l-importanti hu li jsir l-aħjar użu mill-ġudikant billi dawn ikollhom ħaddiema madwarhom li jafu il-liġi, li għandhom esperjenza u li jkunu ngħataw it-taħriġ neċessarju.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-ispazju fil-qorti u qal li fil-qorti llum telgħin għal 26 awla meta din il-qorti kienet mibnija għal 13-il awla. Hu ppropona li tiżdied il-kompetenza finanzjarja tal-Ittri Uffiċjali biex jitnaqqsu l-kawżi li jidħlu l-qorti.


Hu appella biex ikun speċifikat liema huma l-aktar kawżi li qed jidħlu l-qorti u biex ikun hemm iktar intelliġenza fil-mod kif ikunu indirizzati l-kawżi dwar il-vjolenza domestika. Is-sitwazzjoni hi li qed ikun hemm iktar kumpilazzjonijiet quddiem il-qorti, spjega d-deputat Nazzjonalista, li qal li t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrazzjoni għandu jkollu iktar xogħol għaliex quddiem daħlu 2,300 li qabel kienu jmorru quddiem qrati oħra.


Carm Mifsud Bonnici qal li fil-qorti hemm bżonn strateġija għaliex ma jistax jibqa’ jiżdied ix-xogħol mingħajr ma jkun hemm ideat fl-amministrazzjoni.


Hu semma’ l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u qal li l-ħaddiema f’dan l-Uffiċċju m’għandhomx l-istess kundizzjonijiet bħa dawk li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.


Jeħtieġ intervent dirett biex tkun solvuta din is-sitwazzjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Liġi dwar il-Koabitazzjoni għandha tkun b’saħħitha u m’għandhiex tkun tfisser żwieġ għaliex irid jikkoabita ma jridx jiżżewweġ. Fir-realtà, din il-liġi titkellem fuq kulħadd minbarra dawk li huma koabitati.


Hu semma’ l-mandati ta’ sekwestru u qal li bil-liġi, il-ħaddiem għandu parti mis-salarju tiegħu protetta quddiem sitwazzjoni li fiha l-pagi jidħlu l-bank dirett bil-konsegwenza li diversi entitajiet jeħdulhom partijiet minnha minħabba diffikultajiet li dawn il-persuni għandhom.


Wasal iż-żmien li din il-problema tkun indirizzata b’liġi apposta li tgħolli l-capping minn €700 għal €1,000 biex bihom il-persuni jkollhom biex jgħixu. Problema oħra hi marbuta mal-Appelli, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li ma jaqbilx li ma jistax ikun hemm trattazzjoni fl-Appell. Din is-sitwazzjoni waslet biex ikun hemm żieda fil-karti fl-Appelli.