Sport Sport Ieħor

Hockey: L-MHA tkompli tinvesti f’korsijiet għall-membri tagħha

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey kompliet tinvesti f’aktar korsijiet għall-membri tagħha meta organizzat l-ewwel kors Level 1 li hu rikonoxxut mill-EuroHockey u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Hockey u jgħamel parti mill-proġett Coaching Pathway.

Dan il-kors sar fil-kumpless tal-Hockey f’Kordin u tmexxa mill-kowċ Olandiża Helen Lejeune Van der Ben li għandha esperjenza vasta fis-settur rebbieħa tal-midalja tal-bronż fl-Olimpijadi ta’ Seoul fl-1988.

Tlettax-il parteċipant attendew għal dan il-kors li kien maqsum fuq tlett ijiem u wara li twettqet evalwazzjoni ta’ dak li sar kollha rnexxielhom jiksbu ċ-ċertifikat meħtieġ.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey kkummentat li se tkompli tinvesti f’aktar korsijiet sabiex ikun hawn iktar coaches kwalifikati u tissaħħaħ l-istruttura professjonali f’dan l-isport.

Dan il-kors isegwi dak li sar f’Ottubru li għadda fil- programm Coaching Pathway kif ukoll dak li sar għall-umpires.