Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Ħidma biex ikompli l-waqfien mill-ġlied, b’Iżrael iħejji għall-fażi li jmiss tal-gwerra

Il-Mexxejja tal-grupp Ħamas f’Gaza qed jittamaw li l-waqfien mill-ġlied ma’ Iżrael ikun estiż b’erbat ijiem oħra – almenu sal-Ħadd li ġej – u fost indikazzjonijiet li l-Iżraeljani qegħdin iħejju mewġa oħra ta’ attakki biex jeliminaw il-bejtiet tat-terroristi Iżlamiċi fit-territorju.

Estensjoni oħra tal-waqfien mill-ġlied kapaċi twassal ukoll għall-ħelsien ta’ 40 ostaġġi oħra li nħatfu mill-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru waqt ir-rejds qattiela tat-terroristi qalb il-komunitajiet ta’ Iżrael.

It-tamiet huma li l-għajnuna umanitarja tkompli tasal lir-residenti ċivili ta’ Gaza wara l-aħħar jiem ta’ paċi relattiva. Iżda Iżrael mhu jħalli l-ebda dubju li qed jaħseb diġà fil-‘konfront finali’ mat-terroristi tal-Ħamas ibbażati fin-naħa t’isfel ta’ Gaza.

Il-waqfien mill-ġlied diġà spiċċa estiż b’jumejn bl-isforzi tal-Qatar li qed iservi bħala medjatur ewlieni fil-kriżi. U meta fadal biss ftit sigħat għall-konklużjoni tal-ftehim, is-sorsi viċin il-Ħamas qalu li ‘kienu lesti biex ikomplu jtawwlu l-ftehim anki sal-ġimgħa d-dieħla jekk hemm bżonn’.

Iżrael ma indikax jekk hux lest għall-estensjoni fit-tul u meta l-ftehim jesiġi biex il-Ħamas jeħles lin-nisa u t-tfal minn fost l-ostaġġi bi skambju mal-priġunieri Palestinjani miżmuma fil-ħabsijiet tal-Iżraeljani.

Fl-istess ħin, il-grupp Ħamas għadu qed iżomm talanqas għaxart itfal Iżraeljani, inkluż tarbija (tifel) ta’għaxar xhur.  Intant, Iżrael kien qed jevalwa informazzjoni li indikat li ċ-ċkejken spiċċa maqtul  – l-istess bħal ommu u ħuh li wkoll kienu nqabdu ostaġġi –waqt l-aħħar bumbardamenti fuq Gaza.

Tkellmu anki s-sorsi viċin il-Ministeru tal-Qatar għall-Affarijiet Barranin u li qalu li pajjiżhom qed jipprova jasal għal waqfien mill-ġlied sostenibbli li, eventwalemnt, jirriżulta‘fit-tmiem tal-gwerra (bejn Iżrael u l-Ħamas).’

Madankollu, Iżrael qed jenfasizza li, ladarba l-ftehim jeskadi, għandu jibda mill-ġdid – ‘u bil-forza kollha’ — l-azzjonijiet militari biex itemm it-tmexxija tal-Ħamas f’Gaza li ilha għal 16-il sena.

Il-Ministru Iżraeljan Benny Gantz, li hu responsabbli mill-politika tal-gwerra ta’ Iżrael, sostna li ‘il-battalji, ‘il quddiem, għandhom ikomplu f’Gaza’ u li l-Kunsill tal-Gwerra ta’ Iżrael jinsab unanimu dwar dan peress li l-pajjiż ma għandux għażla oħra.

Iżda waqt li Iżrael qed iħejji għall-istadju li jmiss tal-gwerra, żdiedet il-pressjoni min-naħa tal-komunità internazzjonali biex il-waqfien mill-ġlied ikompli u biex l-inħawi lejn in-Nofsinar ta’ Gaza ma jkunux suġġetti għall-istess offensiva mill-art li, jiem ilu, biddlet it-Tramuntana ta’ Gaza f’zona ta’ qerda assoluta.