Lokali

Il-Ministru Clayton Bartolo ma jweġibx dwar il-flus li ħadet Rosianne Cutajar mill-ITS

Wara l-konsulenza li ngħatat fl-ITS mingħand il-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien, Konrad Mizzi … il-membri fi ħdan il-Kabinett ta’ Robert Abela evitaw li jgħidu b’mod car jekk jaqblux mal-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali. Dan hekk kif fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali ddeskriva l-impjieg tal-ex Deputat tal-Labour Rosianne Cutajar bħala wieħed frawdolenti kif ukoll irregolari.

Net News mar quddiem il-Parlament sabiex jistaqsi lill-Membri Parlamentari dwar x’jaħsbu fuq dak li ħareġ mir-rapport. Bil-Ministru Clayton Bartolo ma jweġibx jekk Rosianne Cutajar għandiex tagħti l-flus lura li ħadet minn din il-konsulenza.

Dan filwaqt li oħrajn evitaw li jwieġbu d-domandi ta’ dan l-istazzjon hekk kif irreferew għall-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista – mozzjoni li mistennija titressaq fil-jiem li ġejjin sabiex Cutajar trodd lura l-flus li ħadet minn din il-konsulenza.

Minn naħa l-oħra, Membri Parlamentari oħrajn qalu li għadhom lanqas biss raw dan ir-rapport għajr għal dak li qraw fil-ġurnali.

Fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali stqarr b’mod ċar li l-impjieg ta’ konsulent li ngħata lil Rosianne Cutajar ma sarx skont ir-regolamenti li jirregolaw ir-reklutaġġ bl-NAO tinnota li l-perspettivi diverġenti tal-Kap Eżekuttiv tal-ITS u l-Ministru tat-Turiżmu jqanqlu ħafna dubji.