Ambjent Lokali

Il-Moviment Graffitti jappella biex l-applikazzjoni tal-Garden of Eden f’Wied Babu tiġi sospiża

Il-Moviment Graffitti qed jisħaq li l-applikazzjoni għal kumpless turistiku bi 12-il bungalow f’Wied Babu, iż-Żurrieq m’għandiex tkompli tinstema’ quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar qabel ma l-medda ta’ art li ttieħdet b’mod illegali mill-istess applikant biex tintuża bħala parkeġġ faċċata s-sit tiġi mreġġa’ lura għall-istat naturali tagħha. Il-proposta fiha nnifisha li jinbena kumpless turistiku f’sit ta’ Natura 2000 bħal Wied Babu hija diġà ta’ tħassib kbir, u l-attivisti qed jappellaw lill-awtoritajiet biex ma jiħdux vantaġġ minn politiki difettużi biex l-iżviluppatur ikompli jitħalla jagħmel li jrid f’dan is-sit.

Jum qabel is-seduta ta’ PA/06673/20, li se tkompli tinstema’ għada l-Ħamis 30 ta’ Novembru, il-grupp ta’ attivisti qed jappella biex l-applikazzjoni biex jinbnew 12-il bungalow bil-pixxina minflok is-sala tat-tiġijiet Garden of Eden tiġi sospiża sakemm il-medda ta’ art ta’ 4,900sq.m, li orġinarjament kienet xagħri u ttieħdet mill-istess żviluppatur biex tintuża bħala parkeġġ b’mod illegali, ma tiġix irrestawrata lura għax-xagħri kif imwiegħed. L-ERA u l-Case Officer stess tal-Awtorità tal-Ippjanar saħqu li r-riabilitazzjoni tal-parkeġġ illegali hija essenzjali biex l-applikazzjoni għall-bungalows tkun tista’ tiġi kkunsidrata. L-attivisti qalu li għal raġunijiet misterjużi, l-applikazzjoni biex jiġi rrestawrat il-parkeġġ ġiet sospiża mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq talba stess tal-applikant Maurizio Baldacchino aktar minn sena ilu u għadha wieqfa sal-lum il-ġurnata. Minkejja dan, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tmexxi bl-applikazzjoni għall-kumpless turistiku tal-bungalows mingħajr l-ebda indikazzjoni dwar x’se jkun qed jiġri minn l-art meħuda illegalment għall-parkeġġ u jekk din l-illegalità hux se tkun qed tiġi rrettifikata.

Lil hinn mill-kwistjoni tal-parkeġġ illegali, l-attivisti saħqu li huma jinsabu serjament imħassba bil-proposta li jinbena kumpless turistiku f’sit ta’ Natura 2000 u Żona Ekoloġikament Sensittiva bħal din. Il-bini ta’ 12-il bungalow se jkun qed jintensifika l-attività u bla dubju jħalli effetti negattivi fuq l-ekosistema sensittiva tal-wied. Apparti minn dan, jeżisti r-riskju li jekk żvilupp bħal dan jitħalla jsir f’Wied Babu, l-integrità tal-wied jaf tisfa mhedda minn żviluppi futuri oħra simili wara li jkun inħoloq dan il-preċedent għal użu turistiku.

Minkejja li l-eks chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg kien assigurana li s-sit Garden of Eden huwa legali, huwa ċar li l-istorja tal-iżvilupp ta’ dan is-sit hija mittiefsa b’illegalijiet sa mill-bidu nett tagħha. Il-fatt li l-awtoritajiet qed jiġġustifikaw u jirrakkomandaw dan l-iżvilupp turistiku ġdid abbażi tal-fatt li s-sit huwa diġà żviluppat u li l-proposta tal-bungalows tippreżenta użu aħjar tas-sit minn dak attwali mhuwiex aċċettabbli fid-dawl tal-effetti li dan l-iżvilupp se jkollu fuq Wied Babu. Il-fatt li għandna politiki difettużi bħall-Politika Rurali li jippermettu li jiġu ppremjati l-illegalitajiet f’siti ta’ Natura 2000 huwa ta’ tħassib kbir.

Il-Moviment Graffitti jisħaq li dan is-sit għandu jinstablu użu li jirrispetta l-ambjent naturali tal-madwar u li ma jippreżentax dannu għall-integrità tal-wied. Il-grupp qed jappella wkoll lill-Gvern biex jekk hemm xi verità fl-allegazzjonijiet tal-familja Baldacchino li huma għandhom dominju dirett fuq Wied Babu, allura l-Gvern għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jesproprja l-passaġġi li jagħtu għall-wied sabiex il-poplu jkun jista’ jgawdih kif inhu xieraq. Wied Babu għandu jiġi mħares u jitħalla jiġi mgawdi minn kulħadd.