Lokali Parlament

Il-Qorti mhijiex tingħata l-għodda biex ikun hemm rimedju lin-nies li sofrew inġustizzji


Eve Borg Bonello


Il-Qorti mhijiex tingħata l-għodda biex ikun hemm rimedju effiċjenti lin-nies li jkunu sofrew inġustizzja.
Dan sostnietu d-deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello meta kienet qed titkellem fil-Parlament.


Eve Borg Bonello qalet li s-sitwazzjoni tal-ġustizzja f’Malta hi waħda diffiċli li fiha l-Gvern irrifjuta li jagħmel inkejsta pubblika dwar mewt ta’ żagħżugħ u fejn politiku qatt ma mar il-ħabs.


Hi qalet li pajjiż fejn hemm sitwazzjonijiet ta’ theddid għas-saltna tad-dritt huma pajjiżi fejn m’hemmx demokrazija; din hi s-sitwazzjoni f’Malta.


Il-ġustizzja ma titwettaqx meta ċ-ċittadini jdumu jistennew snin għas-sentenzi, jew meta jinqatlu l-ommijiet bi vjolenza domestika, jew meta missirijiet jdumu perjodi twal biex jaraw lil uliedhom.


Il-ġustizzja hi l-bilanċ u l-armonija iżda f’Malta l-attivisti li jipprotestaw dwar l-ambjent jiġu mkaxkra.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li sena wara l-qtil ta’ Bernice Cassar għadu ma nbidel xejn. Din mhijiex Malta ġusta, għaliex mhu qed isir xejn konkret. Bernice Cassar u Jean Paul Sofia mietu minħabba l-inkompetenza tal-Istat waqt li, wara dan kollu, il-familji jridu jdumu snin twal biex issir il-ġustizzja.


Il-Qorti mhijiex tingħata l-għodda biex ikun hemm rimedju effiċjenti lil dawn in-nies. Għalhekk, irid ikun hemm kredibiltà fil-ġustizzja; l-apoloġija li għandu jagħmel il-Prim Ministru għandhom isiru lill-Qrati għan-nuqqas ta’ riżorsi li dawn jingħataw.


Il-Qorti għandha tkun mezz kif il-ġustizzja tkun imħaddma; jeħtieġ ikun hemm iktar membri tal-ġudikatura, sostniet id-deputat Nazzjonalista li qalet ukoll li hemm bżonn issir binja ġdida f’Malta u f’Għawdex. Il-ġudikatura għandha nuqqas ta’ ħaddiema. Il-Gvern iddedika biss paġna waħda bi proposti ġenerali fil-ġustizzja fil-budget li għadda.