Lokali

Investiment ta’ €250 miljun mill-MIA f’kampus tal-ogħla kwalitá

Investiment ta’ €250 miljun ewro fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li se jwassal għall-bini ta’ kampus tal-ogħla kwalitá.

Dan tħabbar waqt konferenża tal-aħbarijiet illi saret l-Erbgħa filgħaxija u li kienet indirizzata fost oħrajn mill-Kap eżekuttiv tal-MIA Alan Borg.

Fl-indirizz tiegħu, Alan Borg spjega li permezz ta’ dan il-proġett, ser jissaħħaħ l-operat tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta, ser tiżdied is-sostenibbiltá kif ukoll se jsir investiment fil-kummerċ u proprjetajiet.

Il-Kap eżekuttiv tal-MIA qal illi fażijiet minn dan il-proġett diġa bdew u b’kollox dan l-investiment mistenni jieħu madwar 4 snin. B’konsegwenża li jitlesta sas-sena 2028.

Fl-aħħar xhur rajna żieda qawwija fin-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajrupost Internazzjonali ta’ Malta, u minn ċifri ppubblikati fl-aħħar ġranet, jidher li l-Ajruport issa qiegħed jistenna li sal-aħħar tas-sena 2023 ikun laqa’ 7.8 miljun passiġġier.

Intant, waqt il-konferenża tal-aħbarijiet, il-Kap eżekuttiv tal-MIA Alan Borg insista li bis-saħħa ta’ dan il-proġett, apparti li ser isir wiċċ ġdid ta’ żewġ runways tal-ajruport; ser tiġi ġġenerata aktar enerġija nadifa.

Dan apparti xogħol ieħor fis-sistema tad-dawl fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta li se ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.