Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Mellieħa Libertas Spalding jibqgħu mingħajr telfa

Colin Schembri

Valletta Fighters……86

SIGMA Depiro……….88

(31-19)(15-26)(15-24)(25-19)

Fil-partita li fetħet it-tielet ġurnata tal-Kampjonat Bank of Valletta, Sigma Depiro ħadu l-ewwel rebħa meta għelbu lil Valletta Fighters 88-86. Il-partita kellha żewġ uċuh fejn wara bidu stupend minn Valletta, Depiro rkupraw fit-tielet taqsima biex l-aħħar taqsima kienet kumbattuta sal-aħħar sekondi. Depiro kienu mingħajr Andrew Aquilina, Kieron Caruana u Miguel Brincat. Valletta ħasdu lill-avversarji bi break qawwi ta’ 20-2 fl-ewwel sitt minuti. Huma bdew bi tlett trippli minn De Sean Mattox u Andy Attard flimkien mal-punti ta’ Keith Charleston. Għal xi ħin, Depiro bdew jirrispondu għalkemm mill-free-throw line qabel ma’ Cameron Cornelius kellhu basket u trippla biex naqqas id-distakk. Depiro komplew bil-punti ta’ Nikola Bozovic biex Valletta għalqu b’basket minn Attard għal skor ta’ 31-19. Fit-tieni perjodu, Attard beda bi trippla oħra u Valletta żammew vantaġġ ta’ 14 -il punt 38-24. Hawn Depiro kellhom mument tajjeb b’run ta’ 10-0 bi trippli minn Bogdan Mrkojevic u Miguel Mallia u punti minn Bozovic wassluhom sa’ basket taħt l-avversarji 41-43. Charleston kellhu trippla oħra għal Valletta però l-aħħar punti ġew minn Depiro permezz ta’ Kameron Rooks u Bozovic għal skor ta’ 46-45.

Il-bidu tat-tielet sessjoni kien kollhu f’idejn Depiro fejn wara basket fuq kull naħa, huma kellhom run ta’ 14-2 bi trippli minn Bozovic u Nicholas Grech biex marru 11 -il punt minn fuq 61-50. Valletta wieġbu bi 8 punti konsekuttivi b’żewġ trippli minn Mattox però Depiro wkoll kellhom run ta’ 8-0 biex temmew is-sessjoni 69-61 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, Valletta fetħu b’5 punti oħra u wara basket ta’ Neil Cassar u trippla ta’ Mattox għamlu l-iskor indaqs fil-ħames minuta 73-73. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Mrkojevic hekk kif it-three pointers komplew ġejjin fuq kull naħa u fit-tmien minuta reġa’ kien hemm parita ta’ 83-83. Għal darb’oħra Bozovic kien deċisiv għal Depiro b’ħames punti f’temp ta’ minuta u minkejja l-aħħar trippla minn Charleston, kienu Depiro li ħarġu rebbieħa 88-86.

Valletta Fighters: K. Charleston 40, C. Briffa, S. Saakian, R. Curmi, D. Mattox 24, A. Attard 9, M. Farrugia 7, U. Satayanorayon, N. Cassar 6, D. Militello.

SIGMA Depiro: L. Trapani, B. Mrkojevic 5, N. Bozovic 26, N. Grech 3, K. Rooks 20, M. Mallia 11, C. Cornelius 17, N. Bukva 4, M. Debattista.

Referees: Artun Bayraktar, Nestor Rincon, Nicky Azzopardi.

Hibernians……107

Luxol……………89

(30-26)(27-17)(24-30)(17-26)

Hibernians ukoll ħadu l-ewwel rebħa fil-kampjonat meta għelbu lil Luxol 107-89. Luxol kienu mingħajr Nathan Xuereb minkejja li kien preżenti fuq il-bank però injury fl-aħħar partita ħalliethu barra mil-logħoba. Għal ħafna ħin posthu ħadu ż-żagħżugħ Isaac Azzopardi li kellhu wirja sodisfaċenti. Hibernians bdew il-partita bi break ta’ 17-4 bi tlett trippli minn Mason Hix u Nikola Vasovic. Luxol kellhom risposta minn Tariq Woody u Azzopardi qabel ma kien hemm trippla fuq kull naħa li ħallew lil Hibs 8 minn fuq 20-12. Hibs komplew bil-punti ta’ Hix u Anton Axiaq però Luxol għamlu seba’ punti mingħajr risposta minn Gael Hulson u Woody biex naqqsu d-distakk għal 4 punti. L-istess distak baqa’ sa’ tmiem l-ewwel sessjoni bil-Hibs fuq quddiem 30-26. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Hibs żammew vantaġġ ta’ 3 punti 38-35. Hawn Hibs għamlu sitt punti konsekuttivi b’Woody u Marco Matijevic iweġbu għal Luxol. Hibs għalqu s-sessjoni b’run ta’ 11-2 b’żewġ trippli minn Vasovic u Calvin Whipple u daħlu jistrieħu 57-43 minn fuq.

Wara l-intervall, kien hemm mument tajjeb minn Luxol li kellhom it-three pointers ta’ Woody u Hulsen biex reġgħu naqqsu d-distakk għal sitt punti 63-69. Vasovic u Woody wieġbu lil xulxin bi trippla qabel ma Hibs kellhom break żgħir ta’ 6-2 li rahom itemmu t-tielet perjodu 81-73 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Hibs kabbru l-vantaġġ għal 12 -il punt wara baskets minn Ivan Demcesen u Whipple. Hibs għamlu run oħra ta’ 11-2 li rathom jagħqqdu l-mitt punt bi trippla ta’ Hix u baqgħu sejrin biex rebħu l-partita 107-89.

Hibernians: C. Whipple 23, P. Attard, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia, N. Vasovic 21, A. Axiaq 9, M. Hix 26, I. Demcesen 28, S. Simic.

Luxol: S. Pace, I. Azzopardi 11, N. Jovanovic 4, A. Azzopardi, JP Schembri, G. Hulsen 24, S. Opojevlic, T. Woody 39, M. Matijevic 4, S. Cappello 7.

Referees: Julie Londono, Artun Bayraktar, Nicky Azzopardi

Athleta……………………………………82

Mellieħa Libertas Spalding……84

(25-25)(17-24)(18-21)(21-14)

Fil-partita li laqqgħat kontra xulxin liż-żewġ timijiet li rebħu l-ewwel żewġ partiti tagħhom, kienu Mellieħa li ħarġu rebbieħa kontra Athleta biex issa baqgħu waħedhom fl-ewwel post bi tlett rebħiet minn tlett partiti. Partita li kellha tmiem drammatiku fejn Athleta kienu ftit sekondi ‘l bogħod milli jdawwru r-riżultat fl-aħħar attakk tagħhom. Athleta kellhom lura minn sospensjoni lil Francesco Mifsud Bonnici però għadu nieqes Ivan Medved. Mellieħa ħadu l-ewwel vantaġġ minkejja li Athleta kellhom trippla minn Matthew Gouder. Punti minn Malik Riddle u Piotr Stelmach għamlu l-iskor indaqs 12-12. Kwame Thompson bi trippla reġa’ poġġa lil Mellieħa fuq quddiem però t-timijiet baqgħu viċin xulxin hekk kif Athleta wkoll kellhom żewġ trippli minn Gouder u Mifsud Bonnici biex it-taqsima ntemmet f’parita ta’ 25-25. Mellieħa fetħu t-tieni perjodu b’sitt punti mingħajr risposta biex ħadu vantaġġ li baqgħu iżommu tul is-sessjoni kollha. Kien hemm mument ta’ botta u risposta b’baskets fuq kull naħa fejn Athleta kellhom il-punti ta’ Luca Stefanovic u Naz Buhagiar fil-waqt li David Bugeja u Tederick Wolfe wieġbu għal Mellieħa li daħlu jistrieħu 49-43 minn fuq.

Fil-bidu tat-tielet sessjoni kienu Athleta li bdew l-aħjar meta għamlu run ta’ 10-2 b’żewġ trippli minn Stelmach. Wara time-out, Mellieħa tejjbu l-logħba tagħhom hekk kif għamlu run ta’ 15-4 bi trippli ta’ Corrado Mercurio u Vukassin Jandric u rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ disa’ punti 70-61. Fl-aħħar sessjoni, Mellieħa kabbru l-vantaġġ għal 13 -il punt 78-65 però Athleta ma ċedewx u ġew lura bil-punti ta’ Gouder u trippla ta’ Riddle. Mellieħa kellhom trippla oħra minn Mercurio però Athleta għamlu sforz ieħor u 8 punti mingħajr risposta minn Gouder u Riddle wassluhom sa’ punt ‘l bogħod 82-83. Fl-attakk li segwa kien hemm block fuq Thompson u fl-aħħar 5 sekondi it-tentattiv ta’ Stelmach għadda minn fuq ir-ring biex Mellieħa ħadu nifs qawwi u għalqu l-partita bi free-throw ta’ Bugeja u rebħu l-partita 84-82.

Athleta: M. Riddle 20, F. Mifsud Bonnici 11, N. Buhagiar 4, L. Stefanovic 2, D. Moorer 8, M. Gouder 22, R. Abela, P. Stelmach 15, T. Chatzimoysis, J. Cefai.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 24, D. Bugeja 13, R. Bonnici, V. Jandric 16, I. Bonett 3, R. Carabott, K. Thompson 22, E. Valdespina, C. Mercurio 6, N. Pace.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Julie Londono.