Karol Aquilina, PN
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna fil-parlament li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-gvern fl-amministrazzjoni tal-qrati Maltin wassal għal kriżi fin-numru ta’ akwżi pendenti u fil-mod kif qed titmexxa l-qorti.
Karol Aquilina qal li l-Prim Imħallef Mark Chetcuti u tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ Malta esprimew preokupazzjoni kbira dwar is-sitwazzjoni fil-qrati.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Opożizzjoni qed tipproponi li l-paga tal-Ministru tal-Ġustizzja tonqos għal €3. Hu appella biex il-Ministru tal-Ġustizzja għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja għaliex is-siwtazzjoni ilha tiżviluppa għal snin iżda l-gvern Laburista naqas milli jindirizzaha.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ebda Ministru tal-Ġustizzja ma qatt kien iffaċċjat bil-kundanni mill-ogħla awtoritajiet tal-qrati. Il-pajjiż jeħtieġ ikollu Ministru tal-Ġustizzja li jindirizza dawn il-problemi bis-serjetà. Il-Gvern Laburista issa ilu iktar minn 10 snin u l-Ministru Jonathan Attard ilu iktar ninn sentejn fil-kariga. Is-sistema tal-ġustizzja ma tistax titħalla f’xifer kollas u għalhekk jeħtieġ ikun hemm bidliet urġenti u importanti.
Karol Aquilian qal li l-qrati huma mifqugħa bil-każi, imħallfin u maġistrati mitluba jagħmlu l-impossibbli, ħaddiema b’pagi miżeri u kundizzjonijiet mill-agħar.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-bini tal-qorti u qal li din l-ikbar problema minħabba li l-bini hu antiku, żgħir u b’restrizzjonijiet kbar.
Dan il-bini issa ilu 53 sena u fih sar ħafna xogħol iżda l-kawża fil-qorti irduppjaw fuq li rduppjaw. L-ispazju hu żgħir u iffullat u mhux jaqdi l-ħtiġijiet li għandu l-pajjiż, kemm issa kif ukoll fil-futur. Meta jkun hemm ġuri jkun hemm konfużjoni kbira fil-qorti, sostna Karol Aquilina, li appella biex il-ġurijiet ma jibqgħux isiru fil-qorti l-Belt anki minħabba l-probemi ta’ sigurtà u peress li jkun hemm ħafna nies.
Problma oħra hi fuq il-post fejn jinżammu l-esebiti tal-qorti.Iil-ħaddiema qed jipprovaw jiddobbaw xi kmamar jew spazju fejn jitpoġġew l-esebiti. Tant hi gravi s-sitwazzjoni li dawn l-esebiti qed jinżammu propju ftit bogħod minn fejn jinżammu l-arrestati li jkunu se jiġu akkużati. Din hi sitwazzjoni gravi li jeħtieġ tkun indizzata b’mod serju.
Id-deputat Nazzjonalista qal li qed isiru xogħlijiet fit-tieni sular tal-qorti fejn l-ispazju ta’ żewġ sulari qed jinqasm fin-nofs biex jinħolqu iktar awli. Dan se jkollu effetti negattivi fuq l-ambjent ġenerali tal-qorti, sostna Karol Aquilina, li stqasa min kien konsultat dwar dan il-proġett u jekk ittieħdux il-miżuri ta’ sigurtà. Hemm ukoll kummenti negattivi ħafna fil-mod kif qed jiżviluppa l-qorti b’dan il-proġett.
Il-gvern se jinvesti €5 miljuni f’bini fi Triq id-Dejqa fejn se jsiru awli u uffiċċji ġodda. Dan hu proġett riċiklat li diġà kien tħabbar tliet snin ilu u li kellu jitlesta f’Novembru 2022. Minkejja din il-wiegħda, dan il-proġett għadu lanqas biss beda. Minn erba’ awli ġodda, il-gvern issa se jagħmel tlieta.
Sitwazzjoni orħa gravi hi fil-bini tal-Qorti ta’ Għawdex fejn il-gvern Laburista ilu snin jibdel il-pjani iżda ma jsir xejn. Hu qal li l-gvern naqqas il-vot minn €400,000 għal €100,000 għall-Qorti ta’ Għawdex. Jeħtieġ li quddiem il-problemi ta’ spazji fil-qorti, jeħtieġ jsir żvilupp ta’ qorti ġdida fil-Belt jew postijiet oħra.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema kwalifikati u mħarrġa biex jagħmlu x-xogħol fil-qorti; liema xogħol hu wieħed speċjalizzat. Illum il-qorti tilfet l-attrazzjoni li kellu, anzi llum il-ħaddiema tal-gvern jevitaw li jmorru jaħdmu l-qorti minħabba diversi raġunijiet fosthom il-pagi baxxi u ż-żieda inaċċettabbli fil-volum tax-xogħol.
Dan seħħ għaliex il-gvern ħoloq sitwazzjoni fejn mingħandu interess li jagħmel xogħol marbut mal-ġustizzja qed imur jaħdem f’setturi oħra. Jeħieġ li l-aħjar nies u imħuħ jerġgħu jmorru jaħdmu l-qorti. Dan isir billi jitjiebu l-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u billi l-ħaddiema jaħdmu f’ambjent organizzat.
Din is-sitwazzjoni hi riflessa anki fl-avukati żgħar li jixtiequ jaħdmu l-qorti; fil-fatt il-pajjiż għandu kriżi fin-numru ta’ avukati li jridu jaħdmu l-qorti.
Karol Aquilina qal li gvern Nazzjonalista kien beda jippubblika l-istatistika dwar il-każi li hemm fil-qorti beix issa l-pajjiż għandu statistika ta’ 21 sena.
Is-sitwazzjoni hi waħda ferm diffiċli fejn jirriżulta li sa Settembru 2023, fil-Qorti Kriminali kien hemm 1,800 inkjesta pendenti u 2,800 kumplilazzjoni pendenti. Maġistrat wieħed għandu quddiemu 274 inkjesta pendenti u maġistrat ieħor għandu 1,500 każ tad-distrett pendneti flimkien ma 214-il kumpilazzjoni u 153 inkjesta. Maġisitrat ieħor għandu 274 inkjesta u 3,700 każ ta’ traffiku pendenti quddiemu. Fil-Qorti tal-Familja u l-vjolenza domestika hemm 2,280 kawża pendenti u maġistrat wieħed għandu 266 inkjesta pendenti quddiemu.
Is-sitwazzjoni hi tant diffiċli li d-differimenti fil-Qorti tal-Vjolenza Domestika huma għal Frar 2025. Maġistrat wieħed fil-qorti dwar il-vjolenza domestika għandu quddiemu 2,266 każ pendenti. Jeżistu sitwazzjonijiet fejn maġistrat wieħed għandu quddiemu 4,052 proċedura pendenti quddiemu li jinkludu inkjesti, kumpilazzjonijiet u kawżi. Dan mhux aċċettabbli, sostna Karol Aquilina, li qal li quddiem il-Qorti tal-Appell hemm 500 appell li għandhom lanqas biss huma appuntati u hemm appelli li ilhom bejn tlieta u erba’ snin.
Fost l-imħallfin, hemm sitwazzjoni li imħallef wieħed waħdu għandu 725 kawża pendenti quddiemu waqt li maġistrati oħra għandhom 609, 593, 557 kawżda pendenti. Hemm maġistrat li għandu quddiemu 1,000 kawza pendenti. Fil-Qorti tal-Familja hemm 1,200 pendenti, fejn ġudikant wieħed għandu 427 każ pendenti quddiemu, ġudikant ieħor għandu 463 każ pendenti quddiemu u ġudikant ieħor għandu 276 każ pendenti quddiemu.
Karol Aquilina qal li ftit ilu nħatru tliet imħallfin ġodda u se jinħatru ħames maġistrati ġodda. Hu staqsa jekk dawn hux se jkollhom l-istaff assenjat magħhom mill-ewwel ġurnata u jekk hux se jkollhom awli tagħhom biex ikunu jistgħu jaħdmu.
Id-deputat Nazzjonalista appella biex meta jilħaq maġistrat jew imħallef ġdid ikun hemm mill-ewwel il-ħaddiema u l-awla biex ikunu jistgħu jaħdmu. Dwar il-maġistrati inkwerenti, Karol Aquilina qal li l-PN ilu jappella għal maġistrati fuq l-inkjesti biss. Hu staqsa kif se ssir l-assenjazzjoni tal-maġistrati inkwerenti u staqsa jekk hux se jittieħdu inkjesti pendenti minn taħt maġistrati oħra; min se jiddeċiedi liema inkjesti jittieħdu?
Karol Aquilina kompla li dawn il-maġistrati m’għandhomx jitgħabbew bl-istess problemi li għandhom il-maġistrati llum. Hu semma’ l-proposta tal-PN li jitwaqqaf Kumitat Parlamentari għall-Ġustizzja, li jagħmel analiżi dwar x’qed isir fis-sistema tal-ġustizzja fil-pajjiż. Karol Aquoilina semma’ l-proposta tal-PN u l-Għaqda Studenti tal-Liġi dwar abbozz ta’ liġi li jagħti iktar drittijiet liċ-ċittadini.