Lokali

AĠĠORNATA: Malta kollha ġġamjata bit-traffiku għal sigħat twal

Dalgħodu diversi sewwieqa sabu ma’ wiċċhom traffiku emormi madwar il-pajjiż kollu. Dan wassal biex numru kbir ta’ ħaddiema waslu tard għax-xogħol hekk kif qattgħu ħin kbir imwaħħla f’serbut ta’ karozzi f’zoni varji tal-pajjiż.

Bosta individwi li tkellmu ma’ Net News qalulna illi ħadu kważi siegħa biex ħarġu mill-Mellieħa biex imbagħad reġgħu sabu ma’ wiċċhom numru ta’ toroq magħluqin f’Selmun, il-Miżieb, Burmarrad, il-Mosta, Pembroke u anke fl-inħawi ta’ Għajn Tuffieħa. Tant illi s-Sindku Laburista tal-Mellieħa spiċċa jgħid li għalkemm qed ngħixu fl-2023, “għadna ma tghallimnix.”

L-istess ħaġa ġrat fl-inħawi tal-Belt Valletta hekk kif it-triq li mill-Blata l-Bajda tagħti lejn il-Belt ingħalqet biex jingħata t-tarmac.

Quddiem din ir-rabja u l-frustrazzjoni kollha, il-Ministru responsabbli minn dan is-settur, Aaron Farrugia qed jibqa’ jgħid lin-nies biex jistennew sas-sena d-dieħla. Dan hekk kif huwa evidenti li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux soluzzjonijiet konkreti u immedjati sabiex itaffi l-problema kbira tat-traffiku li ta’ kuljum qed jaffaċċja pajjiżna.