Lokali Qorti

Mixli li ta’ fastidju sid ta’ lukanda u li gidem mara

Raġel ta’ 52 sena mil-Liberja li jgħix f’għalqa fis-Swatar inżamm arrestat mill-Maġistrat Elaine Rizzo wara li ġie mixli li ta fastidju sid ta’ lukanda li tinsab fl-inħawi ta’ fejn hemm li skate park fl-Imsida u li gidem mara fil-park imsemmi.

Joe Maxwell wieġeb u ħati li matul ix-xahar ta’ Novembru kien ta’ fastidu għas-sid tal-lukanda u l-kumpanija Realco Leasing Limited, u li kien fis-sakra b’mod li ma kienx kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nniffsu.

Huwa ġie akkużat ukoll li nhar it-Tlieta filgħodu bejn l-10am u 12pm fl-Imsida mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ mara f’periklu ċar, ikkaġunalha ħsara billi kkaġunalha ferita ħafifa.

L-Ispettur Eman Hayman qal lill-Qorti li Maxwell qal li l-akkużat kien ikun fl-inħawi tal-lukanda fejn minn hekk kien jaqla’ l-pjanti mill-faċċata tagħha u anke jarmi xi pakkett tal-inbid fil-post.

Dr. Martin Farrugia, bħala avukat tal-għajnuna legali kkontesta t-tielet akkuża fid-dawl tal-fatt li l-vittma ma kienitx preżenti fil-Qorti u li diġa sar rapport mediku fil-konfront tal-allegata vittma. L-Ispettur Hayman qal dan mhux il-forum fejn wieħed ikollu bżonn li l-vittma tkun preżenti bil-Qorti taqbel u tgħid li hi ma tistax ma tieħux konjizzjoni ta’ waħda mit-tliet akkużi li qed jiġi akkużat bihom f’dan l-istadju.

L-Avukat Farrugia talab għall-ħelsien mill-arrest ta’ Maxwell. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha fejn qalet li hemm il-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi u li l-akkużat huwa ‘homeless’.

L-akkużat qal li hu kien joqgħod Ħaż-Żabbar u llum joqgħod is-Swatar u li għandu ċavetta ta’ post fejn joqgħod. Id-difiża qalet li l-preżunzjoni tal-innoċenza u l-fatt li għandu ċavetta ta’ residenza m’għandhomx ikunu ta’ xkiel biex hu jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Meta l-Qorti staqsiet lill-akkużat fejn joqgħod ma tahx lokalità jew isem ta’ triq fejn huwa se jkun qed jirrisjedi biċ-ċavetta li qal li għandu. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-akkużat jintbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.