Matul din il-ġimgħa qed jissoktaw il-laqgħa organizzati mill-Partit Nazzjonalista bi preparazzjoni għall-Kunsill Ġenerali li se jsir il-Ħadd filgħodu.
It-Tlieta, kien imiss Assemblea oħra fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żejtun. Din il-laqgħa kienet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illi spjega t-tlett mozzjonijiet li se jitressqu għall-vot tal-Kunsill Ġenerali.
Dawn il-mozzjonijiet jiffukaw fuq il-ħtieġa li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku ġdid, fuq l-isfida tal-għoli tal-ħajja, u fuq it-tema tal-governanza tajba.
Il-laqgħat fil-lokalitajiet qed jagħtu ċans lill-attivisti sabiex jiddiskutu dawn it-temi tant importanti.
Dawk preżenti ġew indirizzati wkoll mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut u mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.

