Internazzjonali Mużika

Omm Beyoncé tirreaġixxi għal kummenti “razzisti”

Omm Beyoncé ippubblikat post fuq Instagram fejn indirizzat lil dawk kollha li kummentaw dwar il-fatt li bintha biddlet id-dehra tagħha għal-premiere tal-film ‘Renaissance’.

Il-kantanta marret għal dehra differenti hekk kif bidlet il-kulur ta’ xagħarha biex ġiet tidher bjonda. Hija libset ukoll libsa kulur il-fidda sabiex taqbel mat-tema tat-tour.

Bosta kkritikaw lil Beyoncé għal din il-bidla u qalu li issa “tidher kważi bajda”.

Tina Knowles iddefendiet lil bintha u stqarret li l-kummenti li għaddew in-nies huma razzisti.

Il-kummenti ta’ Tina ġew ippubblikati maġenb filmat ta’ Beyoncé bil-kanzunetta tagħha ‘Brown Skin Girl’.

Omm Beyoncé qalet li ma felħietx tara iktar kummenti tan-nies jattakkaw lil bintha minflok jixtiequlha kull suċċess. Hi ammettiet illi kienet konxja li Beyoncé ma kinitx se tieħu gost bil-post li għamlet, iżda xorta waħda ppublikatu għaliex kienet xebgħat tara ammont kbir ta’ kritika.

Omm il-kantanta qalet li bintha dejjem irrispettat lil kulħadd u dejjem lesta sabiex tagħti daqa t’id fejn ikun hemm bżonn. Dan filwaqt illi fakkret li Beyoncé tippromwovi lin-nisa kollha, kif ukoll taqbeż għad-drittijiet tagħhom.