Lokali

Titnieda l-istrateġija nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika

L-Erbgħa saret it-tnedija tat-tielet stategija nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Strateġija li qed tkun meqjusa bħala waħda importanti fem fid-dawl tal-każijiet dejjem jikbru ta’ vjolenza domestika fosthom l-aħħar każ traġiku ta’ Bernice Cassar li nqatlet sena ilu.

Din l-istrateġija se tkun tinkludi fost l-oħrajn  tisħiħ tal-liġijiet preżenti, aktar appoġġ lill-vittmi li jkunu għaddejjin minn xi tip ta’ abbuż kif ukoll li tiżdied il-prevenzjoni ta’ kampanji edukattivi ta’ għarfien.  Strateġija li tinkludi miżuri u azzjonijiet li jridu jitwettqu sabiex tkompli titrażżan il-vjolenza.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet din l-istrateġija, il-Kummissarju dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika Samantha Pace Gasan saħqet dwar l-importanza li kulħadd jingħaqad b’motif wieħed kontra l-vjolenza.

Hija qalet li din hija strateġija li se tkun qed tħares lejn viżjoni aktar fit-tul fejn se jkunu elevati l-aspettattivi u l-istandards fid-diversi aspetti li jmiss magħhom dan is-settur tant delikat. Fejn fost l-oħrajn se tkompli ssir riformi fil-Qrati, it-tisħiħ tal-irwol tal-mara u jkunu identifikati sfidi speċifiċi għal Għawdex.

Samantha Pace Gasan qalet li l-edukazzjoni tibqa’ l- qofol għall-prevenzjoni fejn irridu nkomplu nħeġġu lin-nies biex jerqsu ‘l quddiem għall-għajnuna. Hija saħqet li wieħed irid iħares lejn il-vjolenza minn aspett ħolistiku filwaqt li jkun offrut aktar sapport fejn jidħlu l-akkomodazzjoni u l-impjieg.

Min-naħa tagħha mart il-Prim Ministru Lydia Abela saħqet li huwa importanti li din l-istrateġija ma’ tibqax biss fuq il-karta iżda tibda tkun implimenatata. Qalet li l-qtil ta’ Bernice Cassar li seħħ proprju sena ilu kompla jitfa’ dawl dwar bidliet li l-pajjiż għandu jagħmel biex jindirizza r-realtà tal-vjolenza domestika.

Lydia Abela qalet li huwa importanti li kulħadd jaħdem flimkien sabiex is-soċjetà Maltija tgħeleb is-silenzju li jostor il-vjolenza domestika.

Il-Ministru Byron Camilleri stqarr li l-vjolenza hija fost  l-agħar pjagi li għandha soċjetà ta’ pajjiżna… fejn għalkemm fl-aħħar snin pajjiżna għamel progess f’dan is-settur, ir-realtà qed turi li dan mhux biżżejjed u qatt mhu se jkun biżżejjed.