Edukazzjoni Lokali

WARA L-KUNDANNA TAL-NAO: Clayton Bartolo jiddefendi lill-Kap Eżekuttiv li ta l-job ta’ konsulenza lil Rosianne Cutajar

Wara l-kundanna ċara tal-Awditur Ġenerali, il-Ministru Clayton Bartolo farfar fuq Konrad Mizzi għall-fatt li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) ta kuntratt ta’ konsulenza lil Rosianne Cutajar b’mod irregolari; job illi ingħata mill-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech – li għadu fil-kariga tiegħu sallum.

“Pierre Fenech kien qed jaġixxi fuq struzzjonijiet mill-Ministeru tat-Turiżmu”, qal Clayton Bartolo f’kummenti lit-Times. Dan b’referenza għall-job “irregolari” li ingħatat id-deputat Rosianne Cutajar.

Fl-istess waqt, Bartolo baqa’ joħroġ għonqu għal Pierre Fenech. U meta mistoqsi jekk il-Kap Eżekuttiv għandu jirriżenja, il-Ministru Bartolo insista li Fenech għandu jibqa’ fl-irwol tiegħu.

Intant, dwar Rosianne Cutajar, Clayton Bartolo qal li “kien hemm xogħol li għamlet” mal-ITS. Dan meta l-Awditur Ġenerali kien ċar immens fil-konklużjonijiet tiegħu, meta stqarr li l-job ta’ Cutajar kien “frawdolenti”.