Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo għandu fiduċja massima fil-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, l-istess persuna li ta l-impjieg ta’ konsulenza lil Rosianne Cutajar – Impjieg deskritt mill-Awditur Ġenerali bħala wieħed “fażull imħallas minn fondi pubbliċi”. Bil-Ministru Bartolo qed jgħid li jirrispetta r-rapport tal-NAO – għalkemm jibqa’ jinsisti li għandu fiduċja fi Pierre Fenech.
Fir-rapport, l-NAO jghid bl-aktar mod ċar illi filwaqt li jirrikonoxxi li ċertu xogħol jista’ ma jirriżultax f’dokumentazzjoni, it-tip ta’ xogħol mogħti lil Cutajar kellu jiġġenera evidenza ta’ ħidma, bħal korrispondenza skambjata, rapporti mfassla jew riveduti u informazzjoni dwar avvenimenti u laqgħat li wiegħed ikun involut fihom.
Fil-każ tal-konsulenza … in-nuqqas assolut ta’ evidenza ta’ ħidma jitfa’ dubju fuq x-xogħol sar.
L-NAO testwalment jgħid li meta dan jitqies fil-kuntest ta’ punti preċedenti mqajma minn dan l-Uffiċċju dwar in-natura irregolari ta’ dan l-impjieg il-ħidma fqira tal-Konsulent, jekk xejn, taggrava t-tħassib dwar in-negliġenza ta’ dawk kollha involuti f’dan l-impjieg fażull imħallas minn fondi pubbliċi.
Dan ifisser li l-Awditur Ġenerali mhux biss qiegħed jikkundanna lil Konrad Mizzi, Kevin Borg, Rosianne Cutajar u Pierre Fenech fost oħrajn iżda wkoll qed isejjaħ dan ix-xogħol falz.
Madanakollu Clayton Bartolo sostna li r-rapport tal-NAO jgħid li x-xogħol li sar ma sarx għad-daqs kemm tħallset Rosianne Cutajar….fatt skorrett għall-aħħar.
Issikkat biex iwieġeb jekk jikkundannax l-aġir ta’ Pierre Fenech, Clayton Bartolo saħaq li n-nies trid tiġġudika u qal lil kulħadd biex jaraw kif imexxu – l-istess Gvern li taħtu sar magħruf li ngħataw tal-inqas żewġ impjiegi fittizzji.
Bartolo qal lil Net News li huwa qed ikun fidil lejn ir-rapport, l-istess rapport li indika li Rosianne Cutajar falliet milli tiddikjara fid-dħul tagħha mal-€14,000 – għalkemm il-Ministru naqas milli jiggarantixxi li m’hemmx aktar impjiegi fażulli.
Fl-ebda ħin ma ta s-serħan il-moħħ li m’hemmx aktar każi simili fi ħdan il-Gvern tal-Labour, fl-ebda ħin ma talab lil Pierre Fenech jerfa’ responsabbiltà ta’ għemilu…u fl-ebda mument ma qalilna x’tip ta’ xogħol għamlet Rosianne Cutajar – xogħol li għalih l-NAO ma sab ebda evidenza.