Internazzjonali

COP28: Is-sena 2023 se tkun l-aktar sena sħuna

L-2023 se tkun qed tiġi rreġistrata bħala l-iktar sena sħuna fid-dinja, bit-temperaturi fl-aħħar disa’ snin qabżu sew il-medja tal-aħħar 174 sena.

Dan ġie mħabbar mill-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija fil-ftuħ tal-COP28 li din is-sena qed issir f’Dubaj; konferenza li tiġbor l-ikbar ammont ta’ mexxejja minn madwar id-dinja u li għaliha mistennija jattendu madwar 70,000 persuna.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni, Petteri Taalas spjega kif din is-sena, it-temperatura medja kienet madwar 1.4 gradi celcius għola mill-medja globali ta’ bejn l-1850 u l-1990. Din it-temperatura għadha mhix finali hekk kif fadal aktar data x’tiġi analizzata.

“Mixjin fid-direzzjoni il-ħażina”

is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, Petteri Taalas

Din it-twissija waslet fost tħassib kbir dwar l-effetti tal-gassijiet serra fl-atmosfera, il-livell tal-baħar li dejjem qed jgħola, u l-konċentrazzjoni tal-methane.

Is-summit COP28 qed jiffoka fuq tliet temi importanti bħad-dekarbonizzazzjoni industrijali, it-tranżizzjoni għal enerġija ħadra, u l-azzjoni klimatika tant meħtieġa; konferenza li l-għan tagħha hu li jkollna dinja aktar nadifa.

Ħafna mid-delegati qed jiffukaw fuq il-qerda tal-fossil fuels u l-emmissjonijiet tal-gass methane – temi li fil-maġġoranza tagħhom immirati għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-pajjiżi tad-dinja ilhom snin jiffukaw fuq il-qerda tal-fossil fuels hekk kif dawn qed iżidu t-temperaturi u s-sħana fl-atmosfera b’rata maġgħla ferm. U fil-jiem li ġejjin mistennija jagħmlu l-interventi tagħhom diversi mexxejja waqt din il-konferenza li se tkun mifruxa fuq ġimagħtejn.

Intant, fl-aħħar sigħat kien tħabbar li l-Papa Franġisku kellu jħassar il-vjaġġ tiegħu f’Dubaj għall-konferenza tal-COP28 wara li t-tobba talbuh biex ma jmurx minħabba problemi fil-pulmun. Kelliema għall-Vatikan qalu li l-Kap tal-Knisja Kattolika issa jinsab aħjar, iżda l-Papa ammetta li kien għadu ma fieqx sew sabiex ikun jista’ jaqra d-diskors tiegħu …. u b’hekk talab biex ħaddieħor jieħu postu waqt din il-konferenza.