Lokali Milied 2023

Għawma għall-karità b’risq il-Malta Community Chest Fund

Li jilbsu l-kpiepel ta’ Santa u mhux wisq ħlief ilbies tal-għawm tagħhom, l-impjegati tal-Grand Hotel Excelsior u diversi persuni kuraġġużi oħra se jkunu qed jieħdu l-pass nhar il-Ħadd sabiex jiġbru flus għall-Malta Community Chest Fund Foundation.

Din hija t-13-il sena konsekuttiva — barra waħda meta laqtet il-pandemija — li qed tiġi organizzata Santa Swim, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.

Mal-għawwiema se jkun hemm banda tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li dawk li huma inqas kuraġġużi jistgħu jieklu mince pies u jixorbu l-mulled wine u jgawdu l-ispirtu tal-festa.

Il-maniġer ġenerali tal-lukanda Norbert Grixti qal: “Dan huwa avveniment li lkoll nistennew bil-ħerqa. Ta’ kull sena, ikollna nies li jiġu jgħumu madwar il-port taħt il-protezzjoni tal-patrol boats tal-AFM; hemm min sempliċiment jaqbeż u joħroġ malajr mill-ilma, filwaqt li oħrajn jilagħbu logħba tal-waterpolo ta’ ħbiberija fil-marina tal-lukanda.”

L-għawma hija miftuħa għall-pubbliku u r-reġistrazzjoni għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem fl-attività ta’ din is-sena se ssir fil-Lobby tal-Lukanda fid-9am. Dawk li jieħdu sehem se jkunu awtomatikament biċ-ċans li jirbħu waqfa lussuża ta’ żewġ iljieli fil-Grand Hotel Excelsior.

Il-President George Vella u martu mistennija jaslu fl-10:30am, u wara li jindaqq l-innu nazzjonali, kulħadd se jmur lejn ix-xifer l-ilma fejn jibda l-gost.