Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Sitwazzjoni inċerta madwar il-faċilitajiet nukleari

Id-Direttur Ġenerali tal-International Atomic Energy Agency (IAEA) wissa dwar iż-żieda sinifikanti fil-livell ta’ periklu qalb il-kumplessi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari fl-Ukrajna.

Rafael Grossi qal li ċ-ċirkustanzi saru aktar perikolużi u imprevedibbli minħabba l-battalji fil-viċinanzi bejn il-militar Ukren u l-Armata tar-Russja u meta l-qtugħ fid-dawl konsistenti qed iħalli ‘effett mhux mixtieq’ għall-funzjoni tal-faċilitajiet.

Grossi wissa li l-perikli fl-inħawi tal-faċilitajiet qegħdin jimmultiplikaw minn xahar għal xahar u meta l-perikolu ‘attiv’ għall-Ukrajna u r-reġjun kollu għandu jibqa’ preżenti sakemm jintemm il-konflitt bejn l-Ukreni u l-qawwiet tal-Kremlin li invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.

Ta’ inkwiet partikulari hi s-sitwazzjoni fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhzia, fin-nofsinar tal-Ukrajna, li ilha kontrollata mill-militar tar-Russja sa mill-bidu tal-invażjoni.

U waqt li l-azzjonijiet militari qed jiżdiedu fl-Ukrajna, l-IAEA qed tinnota anki spinta fil-ġlied qrib ħafna tal-power stations nukleari fl-Ukrajna u b’din is-sitwazzjoni ma tistax tkompli għat-tul taż-żmien. Intant, l-Aġenzija appellat biex il-partijiet kollha involuti fil-gwerra jevitaw iċ-ċirkustanzi li kapaċi jirriżultaw f’konsegwenzi radjuoloġiċi li jżidu bil-kbir il-miżerja tal-gwerra għall-Ukreni u r-residenti tal-Istati ġirien.