Il-Prim Ministru Robert Abela, wara ftit aktar minn sbatax-il minuta quddiem il-ġurnalisti, ma weġibx kif se jkun qiegħed iġib lura l-eluf ta’ ewro li ngħataw lill-eks Segretarju Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar, f’impjieg bħala konsulenta mal-ITS deskritt mill-Awditur Ġenerali bħala impjieg falz u frawdolenti – job imħallas minn flus il-poplu, u li ingħata bil-barka tal-Kap Eżekuttiv tal-ITS.
Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar x’passi ulterjuri se jkun qiegħed jieħu fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv attwali tal-ITS, Pierre Fenech, Abela farfarha kompletament fuq Konrad Mizzi u insista li d-deċiżjonijiet politiċi li kellu jieħu diġà ħadhom.
Abela saħaq għal aktar minn darba li kull deċiżjoni li kellu jieħu diġà ttieħdet. U insista li issa hija kwistjoni ta’ natura ċivili biex jiġi stabbilit x’passi għandhom jittieħdu ħalli jintraddu lura l-flus li daħħlet fil-but.
Aktar kmieni din is-sena ġew żvelati numru ta’ chats bejn Rosianne Cutajar u n-negozjant Yorgen Fenech, fejn qalb korrispondenza twila Cutajar kienet saħqet li kienet se tieħu impjieg mal-ITS għaliex fi kliemha kulħadd kien qiegħed jitħanżer…b’Abela jispiċċa jkollu pressjoni qawwija mill Partit Nazzjonalista u s-soċjetà ċivili sabiex ikeċċi lil Cutajar…u bit-tkeċċija ma tasal qatt, għaliex irriżenjat hi.
Iżda dan il-fatt huwa ċaħdu għal kollox u stieden lil ġurnalisti ta’ Net News sabiex jaraw il-fatti.
Iżda l-fatti juru li lura f’Marzu, Robert Abela kien dgħajjef u ma kellux il-kuraġġ ikeċċiha hu nnifsu, iżda stenna r-riżenja tagħha.
Intant, mistoqsi jaqbilx mal-eżitu tar-rapport tal-NAO huwa wieġeb li dan ir-rapport “hu dak li hu”.
Għaldarb’oħra mistoqsi dwar jekk il-pożizzjoni ta’ Pierre Fenech għadhiex tenibbli…Abela għażel li jiddefendi u jfaħħar lill-Kap Eżekuttiv tal-ITS.
Finalment mistoqsi kif se jkun qiegħed iġib lura l-allegati flejjes involuti f’dan il-frodi, Robert Abela stqarr l-ovvju u qal li kulħadd huwa mistenni li jiġġustifika l-paga tiegħu f’xogħol.
Ħafna kliem, iżda ebda soluzzjoni konkreta – ebda pożizzjoni iebsa minn naħa tal-Prim Ministru sabiex dan l-aġir ma jerġax jiġi ripetut.