Internazzjonali

Lvant Nofsani: Il-waqfien mill-ġlied estiż għal ġurnata oħra

Il-Forzi tad-Difiża Iżraelana qalu li l-waqfien mill-ġlied ser ikun estiż għal ġurnata oħra, ftit tal-minuti biss qabel il-ħin tal-qbil kien ser jiskadi, dan hekk kif din il-pawsa mill-ġlied issa daħlet fis-seba’ jum.

Dan il-qbil sar wara ħidma minn bosta medjaturi fosthom il-Qatar. Pero kien possibli biss wara li l-Hamas taw lista ġdida lil Iżrael, ta’ nisa u tfal li kienu ser jiġu meħlusa. Dan hekk kif Iżrael kien wissa li jekk tal-Hamas ma jiprrovdux lista ta’ nies li kienu ser jiġu meħlusa, il-waqfien mill-ġlied ma kienx ser jiġi estiż.

Is-servizz ta’ emerġenza nazzjonali ta’ Iżrael, qalu li kien hemm sparatura f’ Ġerusalem li fiha nqatlu 3 persuni fosthom mara ta’ 24 sena u raġel ta’ 70 sena, waqt li persuna oħra tinsab f’qagħda kritika u sitta oħra ttieħdu l-isptar.

Intant tard ilbierah filgħaxija, għaxar Iżraeljani u erba’ Tajlandizi ġew meħlusa minn Gaza. Waqt li mill-ħabsijiet ta’ Iżrael ġew meħlusa wkoll 30 Paletinjan, inkluż l-attivist Ahed Tamini.