Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Terroristi tal-Ħamas maqtula wara attakk fuq iċ-ċivili f’Ġerusalemm

L-awtoritajiet Iżraeljani f’Ġerusalemm qed iżidu l-miżuri tas-sigurtà f’din il-belt wara li żewġ aggressuri – membri tal-grupp Ħamas — fetħu n-nar fuq in-nies li kienu qed jistennew għat-trasport pubbliku u bir-riżultat li qatlu tlieta; b’diversi nies oħra jisfaw midruba, uħud minnhom kritikament.

Il-Ħamas assumew responsabbiltà għall-attakk li seħħ jum biss wara li nqatlu żewġ subien Palestinjani waqt rejd mill-Armata Iżraeljani fil-belt ta’ Jenin, fix-Xatt tal-Punent.

L-aggressuri – li spiċċaw maqtula ftit wara l-attakk – kienu aħwa magħrufin għal sehem f’azzjonijiet terroristiċi li seħħew fil-passat. L-aħwa kienu ġejjin mid-distrett ta’ Zur Baher, fil-Lvant ta’ Ġerusalemm, bir-rapporti jgħidu li huma fetħu n-nar b’azzarini awtomatiċi fuq iċ-ċivili li kienu f’venda għall-karozzi tal-linja.

L-aggressuri imbagħad spiċċaw huma wkoll maqtula meta fetħu n-nar fuqhom żewġ suldati li kienu off-duty flimkien ma’ ċivili armat li nzerta fil-post partikulari.

Dritt wara l-attakk, il-pulizija żiedet is-sigurtà f’Ġerusalemm u fejn qed tispikka l-preżenza ta’ aktar pulizija armati minbarra r-roadblocks. Dan waqt li l-awtoritajiet f’Ġerusalemm kienu qed jinvestigaw l-aspetti kollha ta’ dan l-attakk.

L-aggressjoni viċin waħda mill-entraturi għal Ġerusalemm enfasizzat l-istat tat-tensjoni akuta f’Iżrael u t-territorji tal-Palestinjani okkupati mill-Iżraeljani anki waqt li qed iżomm il-waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza.

L-aġenzija tas-sigurtà Iżraeljana Shin Bet sadanittant qalet li ż-żewġt aħwa li jidhru li kienu ilhom jippjanaw l-attakk f’Ġerusalemm, kienu damu s-snin il-ħabs b’konnessjoni ma’ attivitajiet terroristiċi

Sadanittant Iżrael estenda l-waqfien mill-ġlied temporanju fil-Medda ta’ Gaza għas-seba’ jum  u waqt li l-medjaturi internazzjonali kienu qed jippruvaw jinnegozjaw il-ħelsien ta’ aktar ostaġġi.

Matul il-lejl tal-Erbgħa, waslu lura f’Iżrael 12-il ostaġġi Iżraeljani u erba’ostaġġi Tajlandiżi li kienu miżmuma mill-Ħamas. Dan waqt li 17-il ostaġġi Tajlandiżi li kienu meħlusa qabel irritornaw pajjiżhom – u meta l-Ħamas sal-bieraħ kien għadu qed iżomm disa’ Tajlandiżi oħra minbarra għexieren ta’ Iżraeljani li nħatfu waqt ir-rejds tas-7 ta’ Ottubru.

Fl-aħħar sigħat ukoll, 30 mara u subien adolexxenti nħelsu mill-ħabsijiet ta’ Iżrael bħala parti mill-ftehim milħuq mal-Ħamas.