Lokali

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu ftehim dwar il-liġi ‘Daphne’s Law’

Matul il-lejl intlaħaq qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri dwar id-direttiva kontra SLAPP, li qed tissejjaħ bħala ‘l-liġi ta’ Daphne’, b’rikonoxximent għall-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia.

L-għan wara din il-liġi hu li tingħata protezzjoni lill-ġurnalisti, attivisti u dawk li jikkampanjaw favur id-drittijiet tal-bniedem minn kawżi ta’ intimidazzjoni li jinfetħu f’pajjiżi terzi, maħsuba biex jagħlqulhom ħalqhom.

Reazzjoni pożittiva miż-żewġ MEPs tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola u David Casa li kellhom sehem ewlieni fl-aħħar snin biex din il-liġi tidħol fis-seħħ.

Il-Ħamis filgħodu l-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola stqarret li l-Liġi ta’ Daphne saret realtà u tenniet li din il-liġi hija pass kbir ‘il quddiem fejn tidħol il-protezzjoni lill-ġurnalisti. Kompliet li dan mhux it-tmiem, iżda qalet li din kienet tfisser ħafna fuq livell personali. Hija qalet li din il-kisba kienet għall-Daphne Caruana Galizia li meta ġiet assassinata kellha 40 każ-il qorti miftuħ kontriha, għall-familja tagħha, għall-attivisti li qatt ma qatgħu qalbhom u għall-ġurnalisti kollha li għadhom qed jiġġieldu.

F’kummenti li ta fuq il-mezzi soċjali, David Casa qal li qatt ma kienu daqshekk viċin illi din il-liġi tidħol fis-seħħ minn meta l-ewwel kien appella għal liġi Ewropea aktar minn ħames snin ilu. Casa irringrazzja lill-kollegi tiegħu talli ħadmu bil-qalb u b’dedikazzjoni eżemplari. Partikolarment irringrazzja lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Vera Jourovà li mill-bidu nett, id-direttiva kontra l-iSLAPPs sejħitilha ‘Daphne’s Law’.

Issa jmiss li l-Parlament u l-istati Membri japprovaw din il-pożizzjoni li ntlaħqet.