Lokali

“Il-proġett inkonvenjent, iżda s-sitwazzjoni qed tindara”

Sal-aħħar ta’ Frar il-proġett ta’ Sant’ Andrija għandu jkun lest.

Sostna dan il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon fi briefing mal-media lokali hekk kif filwaqt li ammetta li x-xogħolijiet fuq dan il-proġett bejn Swieqi, San Ġiljan u Pembroke ħolqu inkonvenjent – huwa insista li hija sitwazzjoni li qed tindera mis-sewwieqa.

Falzon spjega li fadal biex jitlesta 30% tal-proġett – proġett li se jkun qed joffri żewġ toroq li ma jimpattawx it-traffiku li jkun għaddej fid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar jew Belt Valletta.

Dan filwaqt illi saħaq li sar xogħol fuq it-twessigħ tat- triq u l-bini ta’ ħitan, filwaqt li spjega li fost l-oħrajn għall-ewwel darba mistennija jiġu installati crash barriers f’din it-triq.

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti b’rabta ma’ dawn il-crash barriers dwar is-sigurtà mhux biss tas-sewwieq tal-karozzi iżda anke mas-sewwieqa tal-muturi, Ivan Falzon insista li Infrastructure Malta dejjem iżżomm saħħet is-sewwieqa fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.

Għaldaqstant spjega li dawn il-barriers se jkunu magħmula minn azzar u blokok tal-konkrit apposta rikonoxxuti bi standards internazzjonali.

Dan filwaqt li spjega li hemm ukoll installata sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita u walkthrough culvert għal ħaddiema tal-Enemalta.

Ivan Falzon saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jinfetħu toroq ġodda għas-sewwieqa u sal-aħħar tal-proġett se jkun hemm dħul ġdid għal Pembroke u l-Ibraġġ.

Intant, b’rabta ma’ proġett sussegwenti tad-daħla ta’ Swieqi u Paceville – Falzon tenna li l-permessi għadhom ma ħarġux. Madanakollu x-xogħol fuqu mistenni jibda fl-2025.