“Spiċċajna nħossuna mhux siguri f’pajjiżna stess; sentiment li mhux qed inħossuh biss aħna iżda saħansitra l-Prim Ministru, Robert Abela nnifsu.”
Hekk sostnew id-Deputati tal-PN Joe Giglio u Alex Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali b’rabta mas-settur tal-Intern u s-Sigurtà wara l-Budget li ġie preżentat mill-Ministru Clyde Caruana.
Id-Deputat Joe Giglio qal illi il-Gvern għandu l-ewwel jiffoka fuq il-kriżi li l-Korp tal-Pulizija għandu fejn jidħol nuqqas qawwi ta’ riżorsi.
Hu spjega kif iż-żewġ units ġodda proposti għall-Korp huma importanti għal pajjiżna; iżda ma nistgħux nibqgħu nnaqqru mir-riżorsi bla ma jidħlu aktar uffiċjali.
“Talba Oppożizzjoni biex jekk irridu naraw pajjiż sigur, hemm bżonn li ntejbu l-kundizzjonijiet tal-persuni li jaħdmu fl-għoti tas-sigurtà. Inħossu li wieħed jista’ jagħmel ħafna iżjed,” qal Giglio.
Dan kollu quddiem problema ta’ żieda drastika fil-popolazzjoni li qed iġġib dejjem iktar il-ħtieġa ta’ aktar Pulizija – għalkemm fir-realta, n-numri mhumiex jiżdiedu.
Din l-istess sitwazzjoni tinsab f’Għawdex, bid-Deputat Alex Borg stqarr illi filwaqt li l-popolazzjoni Għawdxija żdiedet sew fl-aħħar ftit snin, is-sigurtà f’Għawdex qed tkun mhedda. Dan hekk kif ir-riżorsi fil-Korp tal-Pulizija, minflok żdiedu…spiċċaw tnaqqru iktar – bl-Għawdxin m’għandhomx serħan il-moħħ.
“Għawdex għandu bżonnijiet differenti u b’hekk hemm bżonn li jingħataw riżorsi differenti minn dawk ta’ Malta u mhux rajna tnaqqis ta’ 10% fil-fondi,” qal Borg.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin sħaħ jipproponi biex fost l-oħrajn, membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw pensjoni sħiħa u kompluta, anke għal dawk li jibqgħu jaħdmu fil-Korp, apparti li jitneħħew funzjonijiet li mhumiex neċessarjament dmirijiet tal-Pulizija. Dan sabiex aktar persuni jiġu mħajra jagħżlu karriera fil-Korp tal-Pulizija.
//= $special ?>