Joe Giglio, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio sostna fil-parlament li jeħtieġ li l-pulizija tiffoka iktar fuq l-aspetti marbutin magħhau ma tibqax tagħmel xogħol li mhux konness magħha.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jgħid li se joħloq żewġ taqsimiet ġodda dil-pulizija iżda għadu mhux stabbilit kif dawn se jiddaħħlu.
Hu staqsa jekk hemmx il-ħtieġa ta’ żewġ taqsimiet ġodda fil-pulizija fosthom dik dwar ir-Road Policing li se tkun skwadra iffukata biex tassisti fis-sigurtà fit-toroq. Din tista’ tkun ripetizzjoni ta’ meta kienet introdotta l-Pulizija tal-Komunità. Hemm il-ħtieġa li jkunu l-pulizija li jwettqu x-xogħijiet fit-toroq flok l-uffiċjali ta’ Transport Malta? staqsa d-deputat Nazzjonalista.
Joe Giglio qal li l-ħolqien tal-Patrol Officers hi tajba iżda dawn ukoll m’għandhomx bilfors ikunu pulizija kif isir fl-Ingilterra. Dawn mhux se jgħinu quddiem id-diffikultà ta’ nuqqas ta’ pulizija biżżejjed u quddiem ir-realtà fejn bosta pulizija qed jitilqu mis-servizz.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan japplika wkoll għall-Pulizija tal-Komunità għaliex din it-taqsima ħadet numru ta’ pulizija beix tun tista’ topera b’konsegwenza li dan sarraf f’diffikultajiet għall-pulizija fl-għases u f’setturi oħra.
Jeżistu forom oħra ta’ metodi kif jitnaqqas ix-xogħol tal-pulizija fosthom billi dan ix-xogħol jingħadda lil taqsimiet li mhumiex fil-korp tal-pulizija. Għandu jitnaqqas ukoll ix-xogħol klerikali minn fuq il-pulizija biex dawn ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol verament ta’ pulizija.
Joe Giglio kompla li l-Ministeru tal-Intern ikkonkluda ftehim kollettiv dwar il-kundizzjonijiet tal-pulizija iżda għad hemm disparità bejn pagi ta’ uffiċjali tal-pulizija u dawk ta’ membri li jaħdmu f’aġenziji ta’ infurzar oħra. Din is-sitwazzjoni ma tindirizzax il-problema ta’ dimotivazzjoni li hemm fil-korp tal-pulizija anki fl-isfond tar-responsabbiltà kbria li jġorr uffiċjal tal-pulizija.
Dan il-ftehim kollettiv suppost għandu jwassal biex membri tal-pulizija li għalqu 25 sena jitħajru jkomplu jaħdmu u jkollu l-effett li jattira iktar nies lejn il-korp. Il-fatti huma li dan il-ftehim kollettiv mhux biżżejjed, sostna Joe Giglio, li kompla li dan il-ftehim mhux se jwaqqaf lill-pulizija li jmorru mal-privat.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li minħabba diffikultajiet fix-xogħol u l-pagi baxxi, fl-FCID m’hemmx analisti forensiċi bi kwalifiċi suffiċjenti. Fl-FCID llum hemm biss 12-il spettur mid-19 li kien hemm.
Fil-budget hemm nuqqas totali ta’ investiment fit-taħriġ lill-pulizija, sostna Joe Gilgio, li kompla li l-Akkademija tal-Pulizija mhux qed tagħti t-taħriġ suffiċjenti minħabba li m’hemmx infrastruttura biex taħseb għall-iskopijiet il-ġodda li fihom issa qed topera.
Id-deputat Nazzjonalista qal li minħabba nuqqas ta’ interess, qed jitbaxxew il-livelli biex ikun hemm pulizija ġodda u kompla li fl-Akkademja hemm sitwazzjoni li fiha ma jkunx hemm dixxiplina biex ir-rekluti l-ġodda ma jitilqux.
Miżura li jista’ jkollha impatt pożittiv tikkonċerna l-pensjoni tal-pulizija u anki tal-korpi dixxiplinati li jibqgħu jaħdmu wara 25 servizz. Il-PN jemmen li l-proposta tiegħu fl-aħħar programm elettorali li meta pulizija jew membru f’korp dixxiplinat jagħlaq 25 sena u jibqa’ jaħdem fil-korp, dan jieħu l-pensjoni tiegħu kollha għandha tkun implimentata għaliex hi aħjar minn dik tal-PL. Minkejja dan, il-gvern ma jridx jimplimenta din il-proposta.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li skont stħarriġ li sar, 44% tal-poplu għandhom livell ogħli ta’ fiduċja fil-pulizija u sostna li l-membri tal-pulizija għandhom apprezzati għax-xogħol kbir li qed iwettqu.
Hu tkellem dwar il-Forzi Armati fejn inxtrat il-P71 li nxtrat minn fondi Ewropej u qal li l-FAM għandhom rwol importanti fis-sigurtà tal-pajjiż.
Dwar ID Malta, Joe Gilgio qal li din sarilha rebranding iżda r-realtà hi li għandha bżonn revamp totali għaliex hemm wisq diffikultajiet fosthom li ID Malta m’għandhiex id-dettalji dwar x’isir mill-persuni li jiġu Malta, fejn dawn ikunu qed jaħdmu u jekk telqux minn hawn.
Hu kompla li l-vjolenza domestika għandha tkun trattata bi prijorità billi tkun indirizzata d-definizzjoni ta’ vjolenza għaleix din hi miftuħa wisq bil-konsegwenza li din llum hi tant wiesgħa li qed iġġib pressjoni fuq il-pulizija li jaħdmu f’dan is-settur u fuq il-ġustizzja.
Jeħtieġ bidla fil-mentalità u fil-mod kif isiru l-affarijiet fis-settur tal-intern, sostna Joe Giglio, li kompla li din għandha issir mill-iktar fis possibbli.