Lokali

Jissoktaw il-laqgħat organizzati mill-PN bi tħejjija għall-Kunsill Ġenerali

Issoktaw il-laqgħat organizzati mill-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-Kunsill Ġenerali li se jsir il-Ħadd filgħodu sabiex jiġu ppreżedntati tliet mozzjonijiet għal ħajja aħjar f’pajjiżna.

Ilbierah saret Assemblea oħra minn sensiela ta’ Assemblea li qed isiru matul din il-ġimgħa, bl-iktar waħda riċenti saret fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ San Ġwann. Din il-laqgħa kienet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illi spjega t-tliet mozzjonijiet li se jitressqu għall-vot tal-Kunsill Ġenerali.

Dawn il-mozzjonijiet jiffukaw fuq il-ħtieġa li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku ġdid, l-isfida tal-għoli tal-ħajja, u t-tema tal-governanza tajba u integrità fil-politika.

Il-laqgħat fil-lokalitajiet qed jagħtu ċans lill-attivisti sabiex jiddiskutu dawn it-temi tant importanti.

Dawk preżenti ġew indirizzati wkoll mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut u mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino.

Dwar il-Kunsill Ġenerali ta’ nhar il-Ħadd:

Nhar il-Ħadd il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jibda fid-9:30 am fejn jibda permezz tal-Qari u Approvazzjoni tal-Minuti tal-aħħar Kunsill Ġenerali. Wara jsir il-ftuħ mill-President tal-Kunsill Ġenerali, Mark Anthony Sammut, u interventi mill-Kelliema preżenti.

Iktar tard issir ir-replika tas-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino u jitressqu l-mozzjonijiet.

Il-membri tal-Kunsill Ġenerali huma mħeġġa biex jattendu kemm għall-Assembla Reġjonali tar-reġjun tagħhom kif ukoll għas-sessjoni plenarja, li tagħlaq bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.