Lokali

“L-att tal-akkuża kontra Kromah, Kader, u Bari iġib mistħija fuq pajjiżna” – Repubblika

Repubblika ġġedded is-solidarjetà tagħha ma’ Amara Kromah, Abdul Kader, u Abdalla Bari, li qed jiffaċċjaw għomorhom il-ħabs għax huma ħatja biss li kienu jafu bl-Ingliż.

Fi stqarrija huma qalu li l-akkużi ta’ terroriżmu, ta’ arrest illegali, u ta’ atti vjolenti huma redikoli u ċertament ma japplikawx għaċ-ċirkostanzi tal-inċident tal-El Hiblu. Bil-fatt biss li qed juża dawn il-liġijiet kontra dawn it-tlett persuni, l-istat qed jiżvaluta s-serjetà ta’ dawn il-liġijiet.

Imma agħar minhekk l-istat qed iċaħħad tlett persuni mid-dritt li jgħixu ħajjithom. Malta qed tikkastigahom b’dan il-mod sever u thedded li taqfilhom għal għomorhom għax trid u ma tistax tikkastiga lil kull migrant li jasal fi xtutna. Malta qed tfittex li tagħmel eżempju kiefer b’kastig simboliku biex tikkundanna kollettivament lil kull min hu ħati li pprova jfittex ħajja aħjar għalih innifsu.

Dan hu aġir ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni razzjali u ta’ użu abbużiv u inuman tal-liġi.

Dan l-aġir f’isimna tal-awtoritajiet Maltin iġib mistħija fuqna lkoll.

Tibqa’ biss it-tama tagħna li l-qrati finalment jaraw l-inġustizzja kbira li qed issir ma Kromah, Kader, u Bari, teħlishom minn dawn l-akkużi fiergħa u tikkundanna lill-istat għal din il-krudeltà u diskriminazzjoni viljakka.