Alex Borg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg qal fil-parlament li n-nuqqas ta’ sigurtà f’Għawdex ġabet żieda kbira fil-kriminalità.
Alex Borg qal li f’Għawdex kien hemm bidla fid-demografija fejn illum hemm 5,000 persuna barranija minn barra l-UE jgħixu Għawdex u numru ta’ Maltin li qed imorru jgħixu f’Għawdex ukoll. Dan qed iġib sfidi f’Għawdex iżda l-Korp tal-Pulzija naqas fin-numru f’Għawdex.
Id-deputat Nazzjonalista qal li f’Għawdex żdiedet il-kriminalità inkluż it-traffikar tad-droga u sostna din iż-żieda fil-kriminalità qed tkun evidenti partikolarment f’Marsalforn u fix-Xlendi iżda l-gvern qed jiċħad din ir-realtà.
Il-gvern qed jgħid li fl-2006 kien hemm amont ta’ reati u li s-sena l-oħra kien hemm inqas reati f’Għawdex. Il-verità wara din l-istatistika hi li fl-2006 kien hemm iktar mid-doppju ta’ għases miftuħa waqt li llum hemm biss tliet għases miftuħa f’Gaħwdex. Għalhekk in-nies fl-irħula li jkunu vittmi ta’ reati kriminali fejn m’hemmx għases ma jmorrux jirrapportaw ir-reati tagħhom f’għases f’lokalitajiet oħra għax mhux possibbli.
F’Għawdex m’hemmx riżorsi biżżejjed, sostna Alex Borg, li kompla li, f’Għawdex m’hemmx Taqsima Kontra l-Vjolenza Doemstika anki wara l-każ ta’ Bernice Cassar. In-numru mnaqqas ta’ pulizija f’Għawdex qed iwassal għal sitwazzjoni fejn dawn ikollhom jagħmlu sahara obbligatorja .