Lokali

Raġel bi ġrieħi gravi wara li waqa’ minn fuq sellum

Raġel ta’ 43 sena, sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ madwar żewġ sulari minn fuq sellum waqt li kien qed jagħmel xi xogħol f’mużew li jinsab il-Belt Valletta.

Il-każ seħħ illum għall-ħabta tas-07:30 ta’ filgħodu fi Triq il-Merkanti, meta għal xi raġuni l-vittma residenti r-Rabat waqa’ madwar żewġ sulari minn fuq sellum waqt li kien qed jaħdem.

Fil-post ġie msejjaħ tim mediku tal-ambulanzi li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.